Il-Labour jagħmel l-istorja u jirbaħ is-Siġġiewi għall-ewwel darba

Il-Partit Laburista jkompli bis-suċċessi u jirbaħ il-lokalità tas-Siġġiewi għall-ewwel darba 

Il-Partit Laburista jirbaħ is-Siġġiewi u jagħmel l-istorja | Ritratt ta' James Bianchi
Il-Partit Laburista jirbaħ is-Siġġiewi u jagħmel l-istorja | Ritratt ta' James Bianchi

Il-Partit Laburista għamel l-istorja hekk kif rebaħ il-lokalità tas-Siġġiewi għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kunsilli Lokali. Dan ifisser illi għall-ewwel darba il-Kunsill tas-Siġġiewi se jkollu Sindku Laburista. 

Jidher illi r-rebħa tal-Partit Laburista kienet waħda qrib ħafna, madwar 70 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista. 

Din ir-rebħa tiżdied ma' rebħ ieħor li għamel il-PL fl-aħħar jumejn, fosthom il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar, Birkirkara, Mellieħa u San Ġwann li lkoll kienu lokalitajiet Nazzjonalisti matul is-snin. 

Is-Siġġiewi, apprti li dejjem kienet lokalità b'maġġoranza Nazzjonalista, hija wkoll il-lokalità ta' fejn jgħix Adrian Delia.

L-istorja politika fis-Siġġiewi - Dejjem blu, sal-lum

Din hija l-ewwel darba li l-Partit Laburista rebaħ din il-lokalità. Fl-elezzjoni lokali tal-2007, li magħha ma saret l-ebda elezzjoni oħra, il-Partit Nazzjonalista rebaħ 2,486 vot filwaqt li l-Partit Laburista ġab 1,818 vot. Dan kien ifisser distakk ta’ 668 vot bejn il-partiti.

Fl-elezzjoni lokali tal-2012, li wkoll saret waħedha, il-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti biex kiseb 2,325 filwaqt li l-Partit Laburista żied il-voti u kiseb 2,119. Dan ifisser li d-distakk kien ta’ 206 voti biss.

Fl-2015, id-distakk żdied għal 309 voti, forsi anke għax aktar Siġġiwin ħarġu jivvutaw mhux biss għall-kunsill lokali, iżda anke għar-referendum tal-kaċċa. Fil-fatt, iż-żewġ partiti żiedu mhux ħażin fil-voti. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 2,902 voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 2,593 vot.
Din is-sena, bħall-2015, x’aktarx li s-Siġġiwin ukoll se joħorġu aktar bi ħġarhom biex jivvutaw minħabba li l-elezzjoni tal-kunsill se ssir ma’ dik tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Meta erba’ snin ilu, aktar nies ħarġu jivvutaw, il-Partit Nazzjonalista żied il-voti u d-distakk.

Madanakollu, wieħed ma jistax ma jinnotax li f’dan ir-raħal, il-voti tal-Partit Laburista żdiedu f’kull elezzjoni. B’distakk żgħir ta’ 309 voti, u bil-PL li donnu dejjem qed jissaħħaħ, il-miżien jista’ jxaqleb lejn kull naħa.

Ara aktar hawn dwar ir-rebħa Laburista fil-Mosta

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

More in Politika