San Pawl, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira bl-inqas voti miġbura ... 39,000 ma jinġabrux

Numru konsiderevoli ta' voti mhux miġbura wkoll mill-Ħamrun, l-Isla, Wied il-Għajn, l-Imsida, iż-Żebbuġ Għawdex, Mellieħa, ix-Xgħajra u l-Belt Valletta

Dan is-sit jista' jikkonferma li 38,737 vot għall-elezzjoni tal-MEPs baqgħu ma nġabrux sa dan il-lejl, meta għalaq il-proċess ta' tqassim tal-voti. 

L-aktar lokalità li fiha ma nġabrux voti hija dik ta' San Pawl il-Baħar fejn ma nġabrux 5,238 vot jew 32% tal-voti eleġibbli. Wara San Pawl il-Baħar, l-akbar ammonti kienu f'San Ġiljan (26% - 1,848), il-Gżira (25.3% - 1454), Tas-Sliema (25% - 3,063), Is-Swieqi (20.6% - 1,608), Wied il-Għajn (19% - 2,032) u l-Imsida (18% - 1,156).

San Ġiljan, Tas Sliema u s-Swieqi huma meqjusin bħala l-aktar lokalitajiet Nazzjonalisti fil-pajjiż, filwaqt li l-Imsida, il-Gżira u San Pawl il-Baħar biddlu l-maġġoranzi fl-aħħar snin bil-Partit Laburista jikseb maġġoranza komda fil-Gżira.

Wied il-Għajn dejjem kienet lokalità b'maġġoranzi kbar Laburisti. 

Apparti dawn għadd ta' voti ma nġabrux lanqas mill-lokalitajiet tal-Mellieħa (15% - 1,252), Ta' Xbiex (12%  - 177), il-Għargħur (11.5% - 283),  Ix-Xgħajra (10% - 154), Il-Belt Valletta (10% - 510), Santa Venera (10% - 611), L-isla (9.9% - 212), il-Ħamrun (9.3% -718), Birżebbuġa (9.3% - 725), l-Imġarr (9.8%  - 333), San Ġwann (9.5% - 980), il-Pietà (9.2% - 297), in-Naxxar (8.4% - 997), il-Marsa (8.3% - 322), il-Furjana (8.2% - 149) u Birkirkara (8% - 1,462).

Dan ifisser, li fil-lokalitajiet kollha tal-ewwel distrett, li huwa meqjus bħala wieħed mid-distretti kruċjali, ma nġabrux ammont konsiderevoli ta' voti. F'dan id-disrett, ma nġabrux total ta' 2,607 voti.

F'Għawdex ma jinġabrux l-aktar fiż-Żebbuġ

F'Għawdex l-aktar lokalità li fiha ma nġabrux voti kienet dik taż-Żebbuġ, li tinkludi lil Marsalforn, fejn ma ġabrux 23% tal-voti jew 548 vot. warajha l-Munxar (15.4%  - 184) u l-Għarb (13% - 158). 

Fil-lokalitajiet tax-Xagħra, il-Qala, San Lawrenz, l-Għasri u Għajnsielem ma nġabrux 'l fuq minn 9% tal-voti. 

Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew ma kienux inġabru 21,856 vot jew 6.3% tal-voti.

More in Politika