Żammet l-istupru mistur minħabba t-tabù ... raġel ta' 36 sena jinżamm arrestat

F'Ġunju li ġej il-Qorti se tiddeċiedi jekk l-akkużat jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Il-Qorti se tiddeċiedi jekk l-infermier ta’ 36 sena akkużat b’stupru jingħatax il-ħelsien mill-arrest f’Ġunju li ġej.

L-infermier ta’ 36 sena mill-Pakistan qed jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li stupra mara għal diversi drabi. Huwa wieġeb mhux ħati għal akkużi miġjuba kontrih.

Illum il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Ispettur Joseph Busuttil li spjega kif fis-17 ta’ Mejju l-mara għamlet rapport fl-għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa. Fir-rapport il-mara allegat li l-istupru kien ilu għaddej għal tmien xhur sħaħ u li kienet baqgħet siekta minħabba li fil-kultura tagħha, s-sess qabel iż-żwieġ huwa meqjus bħala tabù.

Hu mifhum ukoll li qabel ma beda l-istupru, l-mara kienet ħallset l-akkużat sabiex issibilha xogħol hawn Malta, bl-ewwel abbuż iseħħ propju wara festin żgħir li organizza r-raġel biex jilqagħha fil-kommunità Pakistana.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Qorti qalet li kienet se tiddeċiedi jekk l-akkużat jingħatax il-ħelsien mill-arrest  wara li l-mara tagħti x-xhieda tagħha b’mod elettroniku f’Ġunju li ġej.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat filwaqt li l-avukat Alfred Abela deher għall-vittma.

More in Politika