Delia jistaqsi dwar is-suldat arrestat; ‘Staqsi lid-Deputat tiegħek,’ iwieġbu Muscat

Il-barranin, il-ġid ekonomiku, l-abort, u l-Programm taċ-Ċittadinanza… Muscat u Delia jwieġbu waqt l-aħħar dibattitu tal-kampanja

Iż-żewġ mexxejja politiċi waqt l-aħħar dibattitu tal-kampanja
Iż-żewġ mexxejja politiċi waqt l-aħħar dibattitu tal-kampanja

Waqt it-tieni u l-aħħar dibattitu tal-kampanja bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma naqasx milli jissemma l-każ tal-arrest taż-żewġ suldati li qed ikunu akkużati bil-qtil razzista ta’ Lassana Cisse Souleymane.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li hemm bżonn inkjesta u investigazzjoni biex ikun magħruf ċar u tond kif qed isir l-ingaġġ tal-membri tal-Forzi Armati, waqt li fakkar fir-rapport tal-Ombudsman li kien ikkritika promozzjonijiet li saru fi ħdan l-Armati.

“Hemm responsabbilitajiet politiċi x’jintrefgħu,” tenna Adrian Delia waqt li fakkar li wieħed mis-suldati akkużati kien reċidiv.

Kien hawn li għamel referenza għall-istqarrija tal-Forzi Armati li spjegat kif Lorin Scicluna ma kienx ġie sospiż, għax ir-reat li għalih kien instab ħati ma kienx wieħed serju. Kien għalhekk li Delia insista li hemm ħafna mistoqsijiet x’jiġu mwieġba, fosthom dwar dan il-każ li daru Scicluna kien instab ħati.

Madanakollu għal dan wieġeb il-Prim Ministru li talab lill-Kap Nazzjonalista biex jistaqsi wieħed mid-Deputati tiegħu, li fi kliemu, qed jiddefendi wieħed mill-akkużati.

Il-Prim Ministru kien qed jirreferi għad-Deputat Jason Azzopardi u dan hekk kif anke fil-każ tal-qtil ta’ Lassana, wieħed mill-avukati tad-Difiża ta’ Lorin Scicluna huwa Kris Busietta, is-sieħeb ta’ Busuttil f’kumpanija legali.

Il-barranin: Muscat jgħid li Delia qed ibeżża’ u Delia jfakkar lil Muscat fil-pushback

Il-kwistjoni tal-barranin kienet ukoll waħda mit-temi ewlenin ta’ dan id-dibattitu. Il-ġurnalist Mario Xuereb staqsa lil Delia jekk bid-dikjarazzjonijiet tiegħu fuq il-barranin hux qed iressaq lill-Partit Nazzjonalista lejn it-twemmin tal-lemin estrem.

Adrian Delia wieġbu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem u jikkritika l-mudell ekonomiku tal-Gvern, jiġifieri li jkabbar l-ekonomija bil-barranin, mudell li tul il-kampanja ddeskrivieh bħala wieħed mhux sostenibbli.

Insista li l-Partit Nazzjonalista huwa l-ewwel u qabel kollox kontra r-razzimżu. Kien hawn li Delia saħaq li wieħed jeħtieġ jara minn fejn ġej dan is-sentiment f’Malta waqt li semma l-pushbacks, b’botta diretta għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Joseph Muscat kompla jitkellem dwar dan is-suġġett meta l-ġurnalist Mario Xuereb staqsih jekk jaħsibx li l-pajjiż għandu bżonn jara x’inhi l-Carrying Capacity tiegħu, jiġifieri kemm jiflaħ popolazzjoni.

Il-Mexxej Laburista saħaq li bl-argumenti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista li jiftaħar li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea qed imur kontra wieħed mid-drittijiet fundamentali Ewropej, jiġifieri dak tal-moviment ħieles tal-persuni.

Żbalji jibqgħu żbalji, għamluhomx il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista Adrian Delia

Insista ma’ Delia li meta l-Partit Konservattiv Ingliż kien qed jagħmel dawn l-argumenti, spiċċa biex wasal lir-Renju Unit għal Brexit.

“X’se nagħmlu? Ħa ngħidu lil Maltin jista’ jkollkom tifel wieħed u daqshekk?” kompla jistaqsi Muscat.

Insista li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid Delia, il-barranin qed jiġu f’Malta għax hawn ix-xogħol u mhux bil-kontra.

Madanakollu, Adrian Delia kompla jakkuża lill-Gvern li dawn l-isfidi qed jinħolqu għax il-Gvern mhux qed jippjana fit-tul.

“L-ewwel ġrejna u llum għandna t-tfal li jitgħallmu fil-kontejners,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.

L-ambjent: iż-żewġ mexxejja jippuntaw is-swaba’

Iż-żewġ mexxejja politiċi ddibattew ukoll fuq l-ambjent, bil-Prim Minstru jiftaħar li kien Gvern Laburista li qaleb il-powerstation minn waħda taħdem bil-heavy fuel oil għal dik li taħdem bil-gass, anke jekk Delia insista miegħu li minn dan il-proġett gawdew biss il-ftit.

Muscat iżda, reġa’ insista li kieku għaddiet tal-MEPs Nazzjonalisti, li fi kliemu, għamlu minn kollox biex iwaqqfu dan il-proġett, kieku llum ma raħsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Kompla jfakkar fl-istrateġija tal-Gvern li jaqta’ l-użu ta’ dak il-plastik li jintuża darba biss u anke fl-iskema ta’ rifużjoni għal dawk li jirriċiklaw il-fliexken tax-xorb tal-plastik.

Muscat ammetta li din mhux se tkun skema popolari, għax ix-xorb, bħas-soft drinks, se jkunu qed jogħlew b’10 ċenteżmi. “Jieħdu paċenzja,” saħaq Muscat waqt li insista li dawn se jingħataw lura meta persuna tirritorna l-fliexken fil-kontenituri li se jkunu installati apposta sal-aħħar tas-sena.

Ammetta wkoll li l-Gvern seta’ kien xi ftit aktar sensibbli fejn jidħol l-ambjent iżda saħaq li l-aktar applikazzjonijiet kbar u kontroversjali saru skont il-politika tal-iżvilupp li daħħal Gvern Nazzjonalista fl-2006.

Joseph Muscat jisħaq li l-kampanja li għamlet Delia kienet bla sens
Joseph Muscat jisħaq li l-kampanja li għamlet Delia kienet bla sens

Iżda hawn daħal Adrian Delia li akkuża lil Muscat li huwa moħħu fl-imgħoddi. “Żbalji jibqgħu żbalji, għamluhomx il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista,” insista l-Kap Nazzjonalista waqt li ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex iħares ’il quddiem.

“Il-prijorità għall-ambjent tal-Gvern kienet li jeqirdu,” kompla jargumenta Delia, waqt li kkritika lil Muscat li filwaqt li jrid idaħħal u jżid il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku qed jippermetti li jibqgħu joħorġu l-permessi għal pompi tal-petrol waħda wara l-oħra.

Traffiku: Delia jgħid li l-Gvern se jżid il-problema, Muscat ifakkar fil-wiegħdu tiegħu…

Hawnhekk tkellmu wkoll fuq it-traffiku, b’Adrian Delia jtenni li din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Malta, skont ċifri tal-Eurostat, kellha t-tieni l-akbar rata ta’ tniġġis tal-arja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li minħabba fiha, fi kliem il-Kap Nazzjonalista, qed imutu għaxar persuni fil-ġimgħa.

Insista li flok isolvi din il-problema, il-Gvern qed jonfoq €700 miljun fit-toroq biex ikomplu jiżdiedu l-karozzi. Insista li s-soluzzjoni vera tkun trasport tal-massa effettiv.

Iżda hawn wieġbu l-Prim Ministru li staqsih x’soluzzjonijet qed joffri, għax fi kliemu, biex wieħed jillimita l-karozzi fit-toroq, irid jew jgħolli l-liċenzja, jew jgħolli l-età biex wieħed iġib il-liċenzja jew jitpoġġa limitu fuq kemm jistgħu jiżdiedi karozzi fis-sena.

Fakkar fil-wiegħda tal-Gvern li jkun hawn trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u mar oltre minn hekk meta qal li l-pass il-kbir ikun meta l-pajjiż jibda jħallas lil dawk in-nies li jużaw il-karozzi Tal-Linja.

Kompla jwieġeb għal dak li qal Delia u insista li skont studji, bl-investiment tal-Gvern fit-toroq, il-poplu se jkun qed jiffranka madwar €25 miljun fis-sena f’fjuwil.

IIP: Delia jgħid li l-PN jibqa’ jaħsibha l-istess iżda Muscat jgħidu li għamel u-turn

Mario Xuereb staqsa wkoll lill-Kap Nazzjonalista dwar il-Programm taċ-Ċittadinanza b’investiment. Fakkru li dan qed iħalli qligħ b’saħħtu lill-pajjiż u staqsih x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwaru.

Delia kien skjett u saħaq li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-iskema. Insista li l-ħsara li qed issir il-pajjiż minħabba din l-iskema tmur oltre mill-benefiċċji immedjati.

Dlonk wieġbu wkoll il-Prim Minstru li akkuża lil Delia li “kif għamel fil-każ tal-mina,” qed jagħmel ukoll u-turn dwar dan il-programm.

Anke jekk Delia fl-ebda ħin ma qal li jrid ineħħi din l-iskema, Muscat kien qed jirreferi għall-fatt li fil-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista ma kienx qed jgħid li se jneħħi dan il-programm iżda li “jnaddfu.”

Il-ġid: Muscat jiftaħar bir-riżultati u Delia jgħid li mhux kulħadd sejjer tajjeb

Iż-żewġ mexxejja komplew jiddibattu fuq il-ġid ekonomiku, hekk kif il-ġurnalist qal lil Muscat li huwa fatt li hawn faxex fis-soċjetà li mhux qed igawdu mill-ġid li qed joħloq il-pajjiż.

Muscat ma darx mal-lewża u saħaq li filwaqt li l-Gvern għamel ħafna, fadal ħafna xi jsir.

Adrian Delia jinsisti li hemm min sejjer tajjeb iżda l-ħafna sejrin lura
Adrian Delia jinsisti li hemm min sejjer tajjeb iżda l-ħafna sejrin lura

Madanakollu tefa’ t-tort fuq Gvernijiet Nazzjonalisti, partikolarment fejn jidħlu l-pensjonijiet. Saħaq li l-Gvern Laburista wiret pajjiż fejn il-pensjonijiet kienu ilhom iffriżati 25 sena.

Fakkar li l-Gvern żied il-pensjonijiet iżda ammetta li dan mhux biżżejjed u kien għalhekk li wiegħed li f’baġit wara l-ieħor, il-Gvern se jibqa’ jżid il-pensjonijiet.

Appella wkoll lil kulħadd biex iqabbel dak li wettaq Gvern Laburista u dak li wettqu Gvernijiet Nazzjonalisti waqt li qal li f’ħames snin il-PL ħoloq aktar xogħlijiet minn kemm ħolqu Gvernijiet Nazzjonalisti f’25 sena.

“Ħriġna żewġ persuni minn kull tlieta li sibna fil-faqar,” kompla Muscat, waqt li fakkar ukoll fiż-żieda fil-paga minima.

Semma wkoll skemi oħra fosthom tat-trasport b’xejn għall-istudenti u taċ-childcare u l-fatt li fi kliemu llum ħadd ma għadu jgerger minn mediċini out of stock.

Filwaqt li rrefera għall-kummenti ta’ Adrian Delia meta qal li huwa insult li l-Gvern qed jibgħat iċ-ċekkijiet lejlet l-elezzjoni, Muscat insista ma’ Delia biex imur jistaqsi lil dawk li rċevew iċ-ċekk jekk dan hux tad-daħk.

Iżda dlonk wieġbu Delia u qallu li jieħdu r-refużjoni dawk li jkunu ħallsu żżejjed waqt li insista ma’ Muscat li 80% tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed jinħadmu ħażin.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar il-GDP u qal li dan mhux jagħti stampa reali tas-sitwazzjoni fil-pajjiż. Reġa’ tenna li l-Gvern irid li jżid il-popolazzjoni biex il-pajjiż jidher li qed jikkonsma aktar iżda insista li jibqa’ l-fatt li filwaqt li hemm min veru sejjer tajjeb, il-ħafna sejrin lura flok ’il quddiem.

Huwa u jwieġeb dwar il-pensjonijiet, insista mal-Prim Ministru li anzjan li llum jaqla’ €400 fix-xahar irid iħallas medja ta’ €120 f’mediċini.

Adrian Delia għamel kampanja bla sens ... tad-daħk Joseph Muscat

Irrefera għas-settur tas-saħħa u fakkar lill-Prim Ministru fil-kuntratt “oxxen” tal-Vitals Global Healthcare, li fi kliemu l-Gvern ma jsemmix u insista li l-kjuwijiet u s-sodod fil-kurituri f’Mater Dei għadhom jeżistu.

Kien hawn li Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista jrid li x-xogħlijiet mhux jiżdiedu bin-numru, iżda jiżdiedu bi kwalità u li jfissru paga aħjar għall-Maltin.

Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa: Muscat jgħid li huwa rapport biased

Għadda biex jitkellem ukoll dwar rapporti li fi kliemu kkundannaw il-Gvern, fosthom dak tal-Kunsill tal-Ewropa li dettalji dwaru ġew żvelati lbieraħ.

Madanakollu, il-Prim Ministru ddeskrivih bħala rapport “biased,” miktub mill-mill-Politiku Olandiż Pieter Omtzigt.

Fakkar li l-istess politiku kien ikkritikat meta għamel allegazzjonijiet foloz fuq il-każ tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines li kien intlaqat b’missila f’Lulju tal-2014.

Abort: Muscat jgħid li Delia għamel kampanja bla sens u Delia jgħid li l-PL mhuwiex ċar

Ma naqsux botti u risposti dwar il-kampanja taż-żewġ partiti u l-kwistjoni tal-abort.

Joseph Muscat iddeskriva l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista bħala waħda bla sens u tad-daħk, fosthom anke minħabba l-argumenti dwar l-abort li l-mistoqsija dwar dan is-suġġett fetħet id-dibattitu tal-lejla.

Adrian Delia tenna li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara, iżda tal-Partit Laburista mhijiex għax approva l-manifest tas-Soċjalisti u li fi kliemu jgħid iswed fuq l-abjad li huwa favur l-abort.

“Il-Partit Laburista mhuwiex ċar. Jgħid ħaġa u jagħmel oħra,” saħaq Delia waqt li Muscat insista li l-Kap Nazzjonalista qed jagħmel bħall-preduċessuri tiegħu u qed ibeżża’ għax sab lilu nnifsu dahru mal-ħajt.

More in Politika