Opinjoni | Malta: il-Livell Li Jmiss

Fil-25 ta’ Mejju, vot lil-kandidati tal-Partit Laburista huwa vot favur aktar ħidma għall-interessi ta’ pajjiżna, tal-familji u tan-negozji

Ninsabu ftit jiem ’il bogħod mill-25 ta’ Mejju, il-ġurnata li fiha l-poplu Malti u Għawdxi għandu għażla importanti x’jagħmel hekk kif se nagħżlu lill-kunsilliera biex imexxu l-lokalitajiet tagħna u l-Membri Parlamentari Ewropej li rridu li jirrappreżentaw lil pajjiżna fi Brussell għall-ħames snin li ġejjin.

Għandna għażla ċara bejn il-kandidati tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista.

Għażla bejn il-partit li għandu viżjoni għal pajjiżna - ħoloq ix-xogħol, kabbar l-ekonomija u issa lest li jieħu lil pajjiżna fil-Livell li Jmiss u partit f’paniku mingħajr viżjoni.

Għażla bejn ħatriet li l-MEPs tiegħu ħadmu qatiegħ biex jipproteġu l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin u Partit li l-MEPs tiegħu jippruvaw jattakkaw lil pajjiżna ma’ kull ċans li jsibu.

Għażla bejn partit li meta jmur barra minn xtutna jaħdem biex jiġbed aktar investiment lejn pajjiżna u partit li fi Brussell bl-attiduni irresponsabbli tiegħu jipprova jimmina eluf ta’ impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Huwa inaċċettabbli li jkollok rappreżentanti, bħall-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, li f’pajjiżna jgħidu mod imbagħad imorru Brussell u jagħmlu mod ieħor

Dik hi l-għażla li għandna ftit tal-ġranet oħra – għażla favur il-poplu Malti u Għawdxi, favur l-impjiegi u favur il-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini u għażla kontra l-interessi partiġġjani u kontra min jipprova joħloq il-firda.

Huwa inaċċettabbli li jkollok rappreżentanti, bħall-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, li f’pajjiżna jgħidu mod imbagħad imorru Brussell u jagħmlu mod ieħor.

Meta riċentament Sven Giegold ried li jiskatta Artiklu 7 kontra pajjiżna – l-artiklu li jhedded id-dritt tal-vot ta’ pajjiżna – l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw jiddistakkaw ruħhom minnu. Qalulna li huma se jipproteġu d-dritt li pajjiżna jibqa’ jiddeċiedi hu fuq kwistjonijiet bħat-tassazzjoni.

Imbagħad għamlu leġiżlatura sħiħa jittrekknu ma’ Membri Parlamentari Ewropej bħal Ana Gomes u jitmugħhom nofs veritajiet.

Kulħadd ra b’għajnejh kif ivvutaw, inkluż fis-26 ta’ Marzu 2019. Dakinhar ittieħdu voti fil-Parlament Ewropew dwar prinċipji li għal pajjiżna huma sagrosanti. Ivvuttaw kontra emenda li tipproteġi d-dritt ta’ pajjiż żgħir bħal Malta li jkollu vot daqs pajjiżi kbar f’sistemi importanti bħal dik tat-tassazzjoni. Ivvuttaw kontra l-interess ta’ Malta. Jekk titneħħa l-unanimità, Malta titlef id-dritt li tiddeċiedi hi fuq kwistjoni ta’ taxxa, b’konsegwenza li dan jimmina l-kompettitività ta’ Malta u jhedded l-impjiegi u l-għixien tal-Maltin u l-Għawdxin.

Għamlu dan minkejja li għal snin twal f’pajjiżna kien hawn qbil dwar il-fatt li għandna nkunu aħna li niddeċiedu fuq affarijiet bħalma hi t-tassazzjoni, qbil li jħares il-kompettitività ta’ pajjiżna. Iżda issa, iridu jimminaw l-impjiegi f’setturi diretti bħal dak tas-servizzi finanzjarji, u f’oqsma oħra bħas-settur marittimu u tal-gaming fost ħafna oħrajn.

Għalhekk importanti li fil-25 ta’ Mejju toħorġu tivvutaw u tagħżlu lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista biex nassiguraw li jkollna tim ta’ MEPs li lesti jaħdmu favur Malta u Għawdex.

Min-naħa tiegħi dejjem waqaft għal dawn l-attakki, kemm fil-Parlament Ewropew stess – fejn qatt ma ddejjaqt neħodha kontra MEPs bħal Ana Gomes – kif ukoll b’laqgħat ma’ MEPs oħra biex inwassal il-verità dwar pajjiżna.

U l-istess se nkompli nagħmel jekk tagħtuni l-fiduċja tagħkom. Flimkien mat-tim tal-Partit Laburista se nibqa’ niddefendi lil pajjiżi u lill-familji Maltin u Għawdxin – jiġi minn fejn jiġi l-attakk.

Min-naħa tiegħi dejjem waqaft għal dawn l-attakki, kemm fil-Parlament Ewropew stess – fejn qatt ma ddejjaqt neħodha kontra MEPs bħal Ana Gomes – kif ukoll b’laqgħat ma’ MEPs oħra biex inwassal il-verità dwar pajjiżna

Hekk kif l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’mod sostanzjali u b’suċċessi mingħajr preċedent, irridu issa nkomplu naħdmu biex nieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss.

Nirrikonoxxu li hemm sfidi ġodda li qed nesperjenzaw bħala poplu. Fejn qabel konna nitkellemu dwar nuqqas ta’ xogħol, illum qed infitxxu li ntejbu l-kwalità tax-xogħol u li jkollna ħin ta’ kwalità xi nqattgħu mal-familja.

Fl-istess waqt għad hemm faxex fis-soċjetà tagħna li għadna ma lħaqniex biżżejjed. Iżda hekk kif kienet il-prijorità ta’ dan il-Gvern li jkabbar l-ekonomija u joħloq ix-xogħol issa hija l-prijorità li jindirizza dawn il-gruppi wkoll. Huwa l-Partit Laburista li għandu l-kredibbilità u jista’ verament jindirizza dawn l-isfidi.

Dawn l-isfidi jġibu magħhom ukoll opportunitajiet biex inkomplu nsaħħu lil pajjiżna u nsostnu l-kompettitività.

Għalhekk li fil-25 ta’ Mejju, vot lil-kandidati tal-Partit Laburista huwa vot favur aktar ħidma għall-interessi ta’ pajjiżna, tal-familji u tan-negozji. B’hekk nistgħu nieħdu lil pajjiżna fil-Livell li Jmiss. Il-livell li jmiss f’dak relatat mal-ambjent, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-kwalità tal-ħajja u l-edukazzjoni.  Huwa b’hekk li nassiguraw li pajjiżna jibqa’ kompettitiv, jibqa’ miexi ’l quddiem u nsostnu s-saħħa ta’ dan il-pajjiż – il-ħaddiema tiegħu.

More in Politika