'Kburin b'Ugo Mifsud Bonnici kif aħna kburin b'Dom Mintoff' - Bedingfield

Glenn Bedingfield jakkuża lill-Partit Nazzjonalista li għandu preġudizzju kontra n-nies tal-Kottonera

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista saħaq li jekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ bi preġudizzju kontra n-nies tal-Kottonera se jkun qed jiċħad l-għeruq tiegħu stess.

Qalu dan id-Deputat Glenn Bedingfield u s-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela, it-tnejn minn Bormla, wara l-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar dwar ir-rata tal-kriminalità fil-Kottonera.

Waqt il-konferena tal-aħbarijiet, Glenn Bedingfield akkuża lill-Partit Nazzjonalista bi preġudizzju kontra n-nies tal-Kottonera filwaqt li Lydia Abela insistiet dwar kemm mill-Kottonera ħarġu nies importanti li taw kontribut kbir lill-pajjiż.

Kien hawn li Bedingfield insista li għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista ma jagħmilx distinzjoni u jħobb lill-President Emeritu u eks Ministru Nazzjonalista Ugo Mifsud Bonnici, daqskemm iħobb lill-Perit Dom Mintoff, it-tnejn minn Bormla.

Bedingfield saħaq li ż-żewġ partiti bdew mill-Kottonera u bil-preġudizzju tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiċħad l-għeruq tiegħu stess.

Insista li għal 25 sena sħaħ, il-Partit Nazzjonalista nesa li kienet teżisti l-Kottonera kif nesa kif kien jeżisti n-nofsinhar tal-pajjiż ħlief għal xi impjant tal-iskart.

Għall-kuntrarju, kompla d-Deputat, il-Partit Laburista poġġa lill-Kottonera bħala prijorità tiegħu u xhieda ta’ dan hija l-istarteġija għall-Kottonera li ġiet approvata mill-Kabinett fl-aħħar jiem.

Temm jisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista, ir-rata tal-kriminalità fil-Kottonera “ma hija xejn ħdejn postijiet oħra.”

More in Politika