'Huwa ta’ dispjaċir kbir li l-persuni arrestati huma membri ta’ korp dixxiplinat' - Vella

George Vella enfasizza li dan m’għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, fuq il-korrettezza tal-membri ta’ dawn il-korpi, u fuq ix-xogħol siewi tagħhom...

Il-President George Vella jesprimi s-sogħba tiegħu għall-iżviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil tas-Sur Lassana Cisse fid-6 ta’ April li għadda.

Il-President ifakkar li kulħadd huwa preżunt innoċenti sakemm ma jkunx instab ħati minn Qorti tal-Ġustizzja.

"Huwa ta’ dispjaċir kbir li l-persuni arrestati huma membri ta’ korp dixxiplinat," sostna Vella. Il-President jenfasizza li dan m’għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, fuq il-korrettezza tal-membri ta’ dawn il-korpi, u fuq ix-xogħol siewi, u l-valuri ta’ lealtà u dedikazzjoni għas-servizz fil-komunità li dawn il-korpi jħaddnu.

F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President xtaq iwassal lill-komunità ta’ migranti u barranin f’pajjiżna, is-sentimenti sinċieri ta’ dispjaċir għall-qtil kiesaħ u biered ta’ persuna minn fosthom, u feriment ta’ oħrajn, u jassigurahom li dan l-att ma jirrapreżentax is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President jieħu din l-okkażjoni biex iwissi dwar il-perikli li jistgħu jwasslu għalihom il-kliem u l-espressjonijiet fiergħa ta’ natura razzista, xenofobika, u estremista. Din il-lingwa ta’ mibegħda hija kundannabbli u m’għandha qatt issib postha fil-kultura Maltija.

Il-President, fi stqarrija sostna li jħoss li okkażjoni bħal din għandha ġġegħielna nirriflettu bis-serjetà u fil-fond, u noħolqu djalogu sinċier dwar il-futur ta’ pajjiżna bħala komunità multietnika, multikulturali, u tolleranti.

"Pajjiżna għandu bżonn jassigura li nkomplu niżviluppaw f’ambjent seren fejn tirrenja s-sigurtà, l-istabilità, u l-prosperità għal kulħadd."

Fl-aħħar nett il-President jawgura li tirrenja l-kalma u li dan l-inċident ikrah iqarribna lejn xulxin, u mhux jintuża biex idaħħal firdiet fis-soċjetà tagħna. 

More in Politika