Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Intervista | ‘L-MEP’s Maltin kollha setgħu jkunu aktar voċiferi favur il-kaċċa’

Tifel tal-partit b’ċans tajjeb għat-tielet siġġu, Alex Agius Saliba intervistat mill-gazzetta ILLUM… X’jaħseb dwar il-kaċċa? Il-Partit Laburista għadu tal-ħaddiem? Għalfejn kontra l-abort? U fuq l-imigrazzjoni x’jaħseb? 

Liam Carter / 17 ta' Mejju 2019 09:13
Ġimagħtejn qabel il-poplu Malti joħroġ jivvota, il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Alex Agius Saliba, l-eks President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti u wieħed minn dawk il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li tista’ ssejjaħlu ‘tifel tal-partit.’ Miegħu tħaddidna dwar l-aspettattivi politiċi tiegħu, kwistjonijiet jaħarqu bħall-imigrazzjoni, il-kaċċa u l-abort kif ukoll ir-ruħ tal-partit tal-ħaddiem.

Nibdew din l-intervista billi nistaqsih għalfejn ħass il-ħtieġa li joħroġ għal din l-elezzjoni. Agius Saliba pront jibda biex jispjega kif id-deċiżjoni tiegħu kienet imqanqla mis-sejħa tal-Prim Ministru.

“Wara snin nagħti l-impenn tiegħi fil-partit f’karigi għal qalbi, kont bdejt naħseb biex niffoka fuq il-karriera u l-familja tiegħi, hekk kif kont għadni kemm iżżewwiġt.”

Huwa jkompli jirrakkonta, “f’Ġunju sejjaħli l-PM u inkoraġġini biex nikkontesta u qalli li dan ma kienx il-ħin opportun biex nieħu pawża. Fl-aħħar nett,” jgħid Agius Saliba, “ma tistax tirrifjuta talba bħal dik. Tkun qed idawwar wiċċek għall-pajjiż.”

Dlonk staqsejtu jekk ippreferiex jistenna l-elezzjoni ġenerali minflok jikkontesta din tal-Parlament Ewropew. Huwa jgħid li grazzi għall-kompetenza u l-attiviżmu politiku tiegħu, il-Parlament Ewropew kien il-pass naturali għalih.

“Speċjalizzajt fuq il-liġi Ewropea u ħdimt ukoll f’diversi istituzzjonijiet relatati mal-ħidma tal-UE. Din il-kompetenza flimkien mal-attiviżmu politiku tiegħi, li dejjem kien mifrux u mhux ristrett għal lokalità waħda, huma żewġ raġunijiet fost ħafna għaliex għażilt li nikkontesta din l-elezzjoni,” spjega l-Kandidat Laburista.

U jekk fil-25 ta’ Mejju l-poplu Malti jafda fih, x’jista' joffri ġdid Agius Saliba lid-delegazzjoni Maltija fl-UE?

Huwa jgħid li jrid jaħdem sabiex ibiddel it-tendenza li l-UE tapplika direttivi u regolamenti ma’ kull pajjiż irrispettivament mill-bżonnijiet tagħhom u li skontu qed jaffettwaw ċertu setturi bħal dak tal-agrikoltura.

“Wieħed mill-akbar sfidi li għandna bħala pajjiż huwa dan u għalhekk għandna nużaw il-PE biex niddiskutu dawn il-kwistjonijiet u mhux nattakkaw biss. Ma jistax ikun li regolamenti li jkunu applikati għas-superpotenzi tal-UE jkunu applikati fil-konfront tagħna. Qed jaffettwaw b’mod negattiv il-ħaddiema tagħna,” saħaq Agius Saliba.

Żied jgħid li ma jistax jibqa’ jkollna tliet Ewroparlamentari jattakkaw u tlieta oħra jiddefendu. “Aħna wisq żgħar, l-iżgħar delegazzjoni fl-Unjoni Ewropea, ir-riżorsa tagħna rridu nużawha aħjar.”

‘L-UE għamlet ‘show’ b’Malta fuq il-kwistjoni tal-kaċċa’

Għalkemm għal ċertu Maltin il-vot huwa l-11-il kmandament, it-turnout f’dawn l-elezzjonijiet dejjem tkun anqas minn dawk ġenerali.

Għalhekk staqsejt lil Agius Saliba: għalfejn għandhom joħorġu jivvutaw in-nies? Hu jisħaq li, għalkemm jiltaqa' ma’ nies diżillużi, hu jemmen li turnout se tkun anqas madwar l-UE kollha, hu dejjem iħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw għaliex inkella jitilfu d-dritt tal-għażla u d-dritt għall-vuċi fl-Ewropa.

Pront nagħmillu mistoqsija oħra fuq dan ir-rigward. Imma għalfejn għandhom joħorġu jivvutaw jekk għal ħafna l-PE huwa ‘bla snien’, minħabba n-nuqqasijiet leġiżlattivi.

Huwa jirrispondi u jiċħad kompletament dan l-argument, “minn trattat għall-ieħor il-PE ngħata aktar saħħa. Mhuwiex minnu li l-PE huwa ħafna paroli u azzjonijiet xejn, dan kien instrumentali sabiex daħħal ammont kbir ta’ leġiżlazzjonijiet fosthom dawk ta’ drittijiet soċjali. Kieku ma kienx il-PE, dawn qatt ma raw id-dawl tax-xemx,” jirrimarka Agius.

"Jien kont fuq ta’ quddiem biex niġġieled għad-divorzju u d-drittijiet ta’ riproduttività… Jien favur il-ħajja, tista’ tkun tħaddan twemmin soċjalist u tkun kontra l-abort"
Fost dawk li m’għandhom l-ebda interess li joħorġu jivvutaw hemm għadd ta’ kaċċaturi u nassaba, li fis-snin li għaddew ħassewhom ingannati bil-politika Ewropej fuq is-suġġett. Tant hu hekk li minkejja li rebħu r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kumitat ORNIS iddeċieda li jwaqqaf il-kaċċa għall-gammiem din ir-rebbiegħa filwaqt li l-insib jinsab wieqaf fuq ordni tal-istess UE. Fuq din il-kwistjoni donnha bla tmiem, x’jaħseb Agius Saliba? Din battalja mitlufa?

Pront jiċħad u jgħid li, “żgur li le, qatt mhi battalja mitlufa. Huwa importanti li joħorġu jivvutaw għaliex l-UE għamlet spettaklu bina għax pajjiż żgħir u fl-istess waqt għandek pajjiżi oħra li qed jagħmlu atroċitajiet gravi u li mhux jimxu mal-elementi tas-sostenibbilità, fosthom il-Portugall,” qal il-kandidat.

Żied jgħid li bħala politiku mhu se jaċċetta qatt li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ‘two wieghts, two measures.’ Jekk is-sostenibbilità hi għal qalbna, irridu nsibu l-għerq tal-problema, li hija fost l-oħrajn, dik il-prattika f’pajjiżi barra l-UE li permezz tagħha ssir kaċċa bl-addoċċ.”

U l-politiċi Maltin kemm tal-Gvern u dawk tal-Ewropa setgħu qabżu aktar għad-drittijiet tal-kaċċaturi? Huwa jgħid li skontu l-Gvern għamel l-impossibbli għaliex fetaħ l-istaġun minkejja l-pressjoni li jiffaċċja.

Fil-fatt il-Gvern fetaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summien.

“Ħaddieħor farfar, qabad u għalaq għalkollox. Aħna għidna li dan huwa dritt u investejna sabiex niġġieldu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea,” sostna l-kandidat.

Madanakollu, huwa jammetti li l-Ewroparlamentari Maltin setgħu għamlu ħafna aktar. "Jiena nixtieq li jkun hemm imbuttatura akbar, mhux biex immorru kontra s-sostenibbiltà, iżda biex nieħdu dak li għandu ħaddieħor. Fil-PE rridu nkunu aktar voċiferi fuq il-kaċċa. Inutli noqogħdu niddiskutu l-kaċċa lejlet elezzjoni mbagħad ħadd ma jnissel kelma f’ħames snin. U jiena m’iniex kaċċatur iżda dejjem se nkun qiegħed naħdem għall-Malti,” saħaq Agius Saliba.

‘Il-piż tal-imigrazzjoni jrid jinqasam bejn il-pajjiżi kollha tal-UE’

Naqilbu s-suġġett u nitkellmu fuq kwistjoni kontroversjali oħra li qed tiddomina l-istat tal-Unjoni Ewropea, l-imigrazzjoni. Inkun skjett u nistaqsih direttament jekk jaqbilx mal-pushbacks.

Agius Saliba jiddikjara li, “naqbel li kull stat membru għandu jżomm sod. Pajjiżna meta kellu bżonn isabbat saqajh biex ma jispiċċax tapit kellu jagħmilha din.”

Agius Saliba jkompli jsostni kif is-sitwazzjoni u l-politika tal-UE trid timxi mill-kliem għall-fatti. “Ikollna ħafna dikjarazzjonijiet sbieħ fuq solidarjetà u l-importanza li ma jintilfux ħajjiet iżda fl-aħħar mill-aħħar għandna UE maqsuma min-nofs.”

“Din se tkompli tkabbar il-popolarità tal-partiti tal-lemin li ma jistgħux joffru soluzzjoni, bħalma ma offriex il-Gvern ta’ Salvini fl-Italja. Ma nistgħux nibqgħu nistrieħu fuq il-Prim Ministru tagħna biex jieħu ħsieb waħdu din il-problema,” jgħid Agius Saliba.

Żied jgħid li jeħtieġ li nsibu soluzzjoni li biha l-piż jinqasam bejn l-istati membri kollha, għaliex attwalment il-piż qed jintrefa' mill-pajjiżi tal-fruntieri. Jekk ma jsir xejn hu jemmen li dan se jżid il-fervent fl-Ewropa.

‘Tista’ tkun soċjalist u kontra l-abort’

Ġaladarba tħaddidna fuq kwistjonijiet jaħarqu, ma stajtx ma nistaqsihx dwar l-abort hekk kif aktar kmieni dil-ġimgħa, is-sit illum.com.mt irrapporta kif disgħa mill-14-il kandidat tal-Partit Laburista għall-Ewropa, ma tennewx il-pożizzjoni tagħhom fuq l-abort. Minkejja dan, Agius Saliba kien wieħed li ddikkjara li huwa kontra l-abort.

Staqsejtu jekk jaħsibx li fi ħdan il-Partit Laburista, b’element ta’ politika liberali li tgawdi appoġġ ukoll fil-grupp Ewroparlamentari tas-Soċjalisti u Demokratiċi li jagħmel parti minnu l-PL, jeżistix moviment favur l-abort.

Huwa jibda biex jerġa’ jiddikjara li huwa kompletament  u dejjem kontra l-abort. “Nemmen li bħala pajjiż għandna valur uniku. Jien kont fuq ta’ quddiem biex niġġieled għad-divorzju u drittijiet ta’ riproduttività. Dejjem kont favur il-ħajja u favur lejn l-iktar nies li m’għandhomx leħen u li ma jista' jipproteġihom ħadd għajr ommhom. Nemmen li dik il-persuna għandha dejjem ikollha leħen.”

"Inutli noqogħdu niddiskutu l-kaċċa lejlet elezzjoni mbagħad ħadd ma jnissel kelma f’ħames snin"
Agius Saliba jirrakkonta episodju li jixhed il-pożizzjoni tiegħu fuq din il-materja.

 “Seba’ snin ilu kont kandidat għall-Viċi President taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropew. Kont viċin ħafna li nkun elett, però l-pożizzjoni tiegħi kontra l-abort f’għaqda li kellek ħafna membri voċiferi favur l-abort, ma ħadmitx favur tiegħi.”

Wara dan ir-rakkont qasir, pront staqsejtu jekk hux possibbli li tkun tħaddan politika xellugija iżda, kontra l-abort. Bla eżitazzjoni ta’ xejn u jisħaq li, “jien favur il-ħajja. Iva, tista' tkun soċjalist u tkun kontra l-abort.”

Il-Partit tal-Ħaddiem tilef ir-ruħ soċjali?

Fi tmiem l-intervista, nistaqsi lil Agius Saliba jekk jaħsibx li l-Partit Laburista tilef uħud mill-valuri li proprju twaqqaf għalihom, fosthom il-ħidma favur iż-żgħir u t-trapass bejn klassi soċjali u oħra. Huwa jirrispondi u jispjega kif skontu l-Partit Laburista rnexxielu jsib bilanċ. “Inutli tkun soċjalist utopjan u tispiċċa dejjem fl-oppożizzjoni kif hawn bħalissa f’diversi pajjiżi madwar l-UE. Aħna qed nammettu li hawn dawn ir-realtajiet u qed naħdmu biex insolvuhom.”

Huwa qal li ħafna mill-problemi li telgħu fil-quċċata tad-diskussjoni politika kienu kaġun tas-suċċess ekonomiku bla preċedent filwaqt li jiddikjara li l-Gvern attwali jinsab kommess biex isolvi dawn il-problemi fosthom tal-kera, proprjetà u akkomodazzjoni soċjali.

U fuq il-paga minima x’jaħseb Agius Saliba? Jaqbel ma’ żieda perċentwali madwar l-UE kollha? Skontu, iż-żieda fil-paga minima għandha tibqa’ kompetenza tal-istat membru.

“Kien il-Gvern li żied il-paga minima u naspira sabiex din dejjem tkompli tiżdied. Qatt mhu biżżejjed,” temm jgħid Agius Saliba.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook