Psaila u Casa jissieltu għat-tieni siġġu tal-PN

  • Peter Agius jista’ jiġi minn wara mgħejjun ukoll bi stima ta’ madwar 4,000 ‘donkey vote’
  • Cyrus, Alex u Josianne fit-taqtigħa għat-tielet siġġu Laburista bi stima ta’ madwar 7,000 ‘donkey vote’

Jidher, minn sondaġġi u riċerka li qed isiru internament fil-partiti, illi mistennija taqtigħa ħarxa fuq it-tielet siġġu għall-Partit Laburista bejn Cyrus Engerer, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar u taqtigħa ħafna ikbar għat-tieni u/jew it-tielet siġġu għall-Partit Nazzjonalista. Fil-każ tal-aħħar, il-ġirja hija bejn Frank Psaila u David Casa għat-tieni siġġu u Peter Agius u Francis Zammit Dimech,  għat-tielet siġġu jekk il-PN jirnexxielu jieħdu.

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi l-akbar biża’ tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hija li l-partit ma jirbaħx it-tielet siġġu u fl-istess ħin Casa jiġri ġirja kbira bid-‘duwijiet’ u jaqla’ lil Frank Psaila minkejja li jġib iktar unijiet minnu. “Dan ir-riżultat ikun messaġġ ċar kontra t-tmexxija tal-partit, m’hemmx dubju,” jgħid is-sors li fakkar illi Psaila huwa l-aktar kandidat li qed jimbuttaw dawk madwar Delia.

Kienet din il-gazzetta l-ewwel li żvelat, f’artiklu nhar il-Ħadd 14 ta’ April, illi qed tinxtered il-kelma biex diversi Nazzjonalisti jivvutaw lil Metsola (in-numru 1) u lil Casa (numru 2) u jew jieqfu hemm jew ikomplu fuq il-Partit Demokratiku.

Dan meta l-wirt se jkun importanti ħafna jekk il-PN irid b’xi mod iżomm it-tielet siġġu.

It-tama ta’ dawk li jridu lil Metsola u Casa hija li Metsola tikseb voti biżżejjed biex tilħaq il-kwota malajr u ħafna mill-wirt tagħha jmur għand Casa u jitla’ anke jekk kandidati oħrajn jirtu voti minn dawk il-kandidati li jaqgħu. 

Casa: saħħa kbira fid-duwijiet u l-wirt

L-akbar u l-aktar taqtigħa ħarxa hija bejn il-kandidati Nazzjonalisti għat-tieni u għat-tielet siġġu, li s-sorsi jgħidu li se jkun ferm diffiċli biex jirbaħ il-PN. Skont l-aħħar sondaġġ Frank Psaila jinsab fuq quddiem minn dawn l-erbgħa għalkemm b’2.9% mhuwiex daqstant ’il bogħod minn Casa li jinsab b’2%.

Casa kien elett f’kull waħda mit-tliet elezzjonijiet, l-unika wieħed fil-fatt u jekk ma jitlax f’din l-elezzjoni tkun l-ewwel darba li ma rnexxilux. Interessanti kif Casa kważi dejjem gawda minn numru kbir ta’ duwijiet. Fl-2004 Casa kiseb 8,782 vot imma meta Simon Busuttil kien elett Casa gawda minn 8,826 vot f’duwijiet, imbagħad reġa’ kiseb l-akbar numru ta’ voti f’wirt ta’ Michael Falzon (+981), ta’ Ian Spiteri Bailey (+2,282) u ta’ Joanna Drake (+21,800).

Fl-2014, 10 snin wara, kien kiseb 19,582 vot fl-ewwel preferenza biex imbagħad ħa l-akbar numru ta’ voti mill-wirt ta’ Metsola (+733), Stefano Mallia (+959), Norman Vella (+,136) u Francis Zammit Dimech (+695).

Dan ipoġġi t-tieni siġġu f’dubju serju hekk kif Casa huwa mistenni li jkun b’saħħtu ħafna fid-duwijiet, jgħid sors fil-Partit Nazzjonalista.

Peter Agius jista' jibda b'dota ta' 4,000 vot
Peter Agius jista' jibda b'dota ta' 4,000 vot

Peter Agius jaf ikun is-sorpriża tal-PN u qed issir stima ta’ 4,000 f’‘donkey vote’

Isegwi lil Casa hemm Peter Agius, kandidat ġdid, xi ħadd li għandu esperjenza twila fl-Unjoni Ewropea iżda xi ħadd li qatt  ma kien fuq lista ta’ partit politiku. In-nuqqas ta’ esperjenza politika tista’ tiżvantaġġja lil Agius li skont l-aħħar sondaġġ jinsab ftit wara Casa b’1.8%.

Minkejja li s’issa jidher li għad m’għandux ċans wieħed irid jieħu l-fattur ta’ dak li jgħidulhom ‘donkey votes’, jiġifieri voti fejn il-persuna tibda minn fuq u tibqa’ nieżla bil-voti sa isfel.

Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-PN u l-PL qed jikkalkulaw li Agius jikseb 4,000 vot b’dan il-mod, li jiġu lil hinn minn dawk li konxjament iridu jivvutaw lilu.

Dan jagħmel il-ħajja ta’ Francis Zammit Dimech, MEP kurrenti wkoll, iktar diffiċli.

Agius Saliba jagħti spinta lill-kampanja

Din il-ġimgħa stajna rajniehom fuq l-istess front fuq Xtra, imma Cyrus Engerer u Alex Agius Saliba jinsabu f’taqtigħa għal siġġu. Fl-aħħar jiem b’dehriet diversi, fosthom Xtra, fuq The Independent, fuq l-ILLUM (Ara paġni 12 u 13) u b’riklami fuq il-faċċata tal-gazzetta tal-General Workers’ Union, jidher illi l-kampanja ta’ Agius Saliba ħadet spinta ’l quddiem. Madanakollu dik ta’ Cyrus, filwaqt li baqgħet b’saħħitha b’ħafna filmati, ma jidhirx li qed tħalli l-frott mixtieq. Fil-fatt Engerer kiseb 0.6%, inqas minn Norman Lowell u l-Għawdxi David Stellini.

Din il-gazzetta tista’ tiżvela wkoll illi Alex Agius Saliba, bħal Peter Agius, għandu ċans li jgawdi minn madwar 7,000 ‘donkey vote’, jiġifieri minn dawk li jibdew minn fuq u jibqgħu neżlin sa isfel.

Magħhom titqabad għat-tielet u/jew it-tielet siġġu hemm Josianne Cutajar, Għawdxija u kandidata ġdida. Huwa mifhum li Cutajar għandha bażi b’saħħitha f’Għawdex, l-aktar fattur li qed jimbotta lil Cutajar ’il quddiem.

Iż-żwiemel fuq quddiem...

Iż-żewġ MEPs nisa kurrenti huma l-iktar żewġ żwiemel b’saħħithom f’din l-elezzjoni u mistennijin ikaxkru l-akbar numru ta’ voti, fuq iż-żewġ naħat politiċi. Kollox qed jidher illi hija kważi ċertezza li dawn jitilgħu, għalkemm mhux ċar hux mal-ewwel għadd.

Din hija t-tieni darba li Dalli se tikkontesta din l-elezzjoni u hija mistennija saħansitra tgħaddi lill-eks Mexxej Laburista Alfred Sant. Fil-fatt fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dalli kienet kisbet 23,479 voti filwaqt li Sant kien kiseb 48,739 vot jew kważi d-doppju.

Min-naħa l-oħra mill-Partit Nazzjonalista Metsola mistennija tkun l-aktar li tkaxkar voti u tgħaddi lill-kandidati kollha Nazzjonalisti. Bħal Dalli, Mestola kienet eletta għall-ewwel darba fl-2014 b’32,360 vot. Minkejja dan hi spiċċat fil-Parlament sena qabel meta Simon Busuttil kien irreżenja minn MEP hekk kif kien elett Deputat.

Alfred Sant jibqa’ fejn hu, mistenni jitlef l-ewwel post

L-eks Mexxej Laburista Alfred Sant jidher li se jitlef it-titlu tal-aktar kandidat Laburista li jikseb voti għal  Miriam Dalli. Dan ifisser li, skont is-sondaġġi, Sant mistenni jnaqqas il-voti mill-2014.

Minkejja dan, kemm is-sorsi li tkellmu ma’ din  il-gazzetta u anke s-sondaġġi qed juru li Sant qed jassigura li jżomm is-siġġu Parlamentari u jiġi fit-tieni post.

*Donkey vote, kif hemm spjegat fl-artiklu wkoll, huwa meta votanti jivvutaw għall-kandidati skont l-ordni alfabetika, illi fiha huma mniżżlin fuq il-polza tal-vot. Dan ifisser illi dawk li kunjomhom jibda bl-‘A’, ‘B’ u ‘C’ igawdu l-aktar

More in Politika