Multa lill-F Living wara l-kummenti ta' Norman Lowell fuq l-Afrikani u l-persuni b'diżabilità

L-Awtorità tax-Xandir investigat il-kummenti ta’ Lowell wara rapporti li saru lilha dwar il-parteċipazzjoni tas- Lowell fuq programm Attwali

L-istazzjon F Living kien ordnat iħallas il-multa ta’ €1,160 minħabba l-programm li fih Norman Lowell tħalla jgħaddi kummenti “offensivi” fil-konfront ta’ persuni ta’ razza differenti u anke persuni b’diżabilità.

L-Awtorità tax-Xandir investigat il-kummenti ta’ Lowell wara rapporti li saru lilha dwar il-parteċipazzjoni ta' Lowell fuq programm Attwali.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir saħqet li Lowell "għadda kummenti offensivi għas-sentiment pubbliku u kif ukoll bl-istess kummenti kien hemm inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, reliġjon u nazzjonalità."

Irreferiet għall-fatt li Lowell assoċja l-aggressività mal-Musulmani u saħaq li l-Afrikani għadhom intelliġenza inqas mill-Ewropej.

Iddeskriviet dawn il-kummenti bħala "xenofobiċi."

L-Awtorità tax-Xandir tkellmet ukoll dwar il-kummenti ta' Lowell fuq persuni b’diżabilità meta qal ċar u tond li: "persuni b'diżabilità severa jew mentalment difettużi jew jiġu aborti jew jinqatlu b'mod ħanin siegħa wara li jitwieldu.

Fl-istqarrija tagħha, l-Awtorità qalet li hi semgħet dak li kellu jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-istazzjon, Karl Bonaci u anke lil Kevin Mercieca li mexxa l-programm, fost oħrajn.

Karl Bonaci jisħaq li ċ-ċittadini kellhom dritt ikunu jafu kif jaħsibha Lowell

Saħqet li Bonaci insista li l-programm kien qiegħed josserva d-direzzjoni tal-Awtorità billi jagħti spazju lill-mexxejja tal-partijiet differenti li se jikkontestaw l-elezzjoni u li bil-programm kien qed jirrispetta l-libertà tal-espressjoni.

Insista li ċ-ċittadini kellhom id-dritt li njkunu jafu x'kien qiegħed jgħid Lowell biex ikunu infurmati aħjar qabel jivvutaw,

L-Awtorità tax-Xandir laqgħet il-fatt li l-istazzjon kien qiegħed iħares id-dritt fundamental tal-libertà tal-espressjoni, iżda insistiet li dan id-dritt ma kienx assolut.

"Kienet ir-responsabbilità tal-istazzjon li jara u jassikura li d-drittijiet ta' terzi persuni jkunu protetti," insistiet l-Awtorità.

L-Awtorità osservat ukolll li wara din id-deċiżjoni tagħha, u anki "l-għaqal tal-preżentaturi/ġurnalisti tal-PBS," Lowell kien aktar moderat u prudenti fil-kummenti tiegħu fil-programmi li s’issa ħa sehem fihom.

Intant, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għamlet rapport ukoll lill-Pulizija.

More in Politika