Daqshekk bżieżaq u konfetti ... imħabbra strateġija biex jitnaqqas ir-rimi tal-plastik

L-istrateġija qed tipproponi wkoll li jkun pprojbit l-għoti b'xejn tal-basktijiet u l-boroż tal-plastik mill-ħwienet

Il-Konfetti u l-bżieżaq se jkunu pprojbiti mill-attivitajiet kollha pubbliċi sal-2020 u dan skont l-istrateġija ġdida mħabbra llum mill-Gvern, bil-għan li jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

L-għanijiet tal-istrateġija huma tlieta, jiġifieri li jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, iżżid il-kwalità u l-kwantitajiet ta' skart tal-plastik li jintuża darba biss u jiġi miġbur għar-riċiklaġġ u tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-plastik.

L-istrateġija tinkludi 23 miżura li qed ikunu proposti li jiġu implimentati sal-2020, fost dawn:

  • Jiżdied id-dazju fuq il-basktijiet tal-plastik u se jkun pprojbit li dawn jingħataw b’xejn fil-ħwienet.
  • Brazuletti tal-plastik f’avvenimenti pubbliċi se jkunu ristretti sal-2020.
  • L-użu tal-konfetti u l-bżieżaq se jkunu pprojbiti sal-2020.
  • Dawk ‘l-imwejjed’ żgħar tal-plastik fuq il-pizez li ma jippermettux l-għatu tal-kaxxa milli jmiss mal-pizza, se jkunu pprojbiti u minflok se tibda titpoġġa boċċa tal-għaġina msajra f’nofs il-pizza
  • Se tkun introdotta skema li se tippromovi skema fis-supermarkets fejn prodotti jkunu jistgħu jinxtraw mingħajr il-bżonn ta’ kontenituri tal-plasik.
  • Il-fliexken kollha tax-xorb tal-plastik, sal-2025 iridu jkunu magħmula minn tal-inqas 25% plastik riċiklabbli. Dan jiżdied sa 30% sal-2030.
  • Benefiċċji għall-istudenti kollha li jieħdu magħhom kontenituri u tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw, meta jixtru minn ħwienet fuq il-kampus
  • Sal-2025 se jkun ristrett ukoll l-għoti b’xejn ta’ tazzi tal-plastik mill-kafetteriji, il-barijiet u ħwienet tat-take away. Klijenti li jieħdu magħhom tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw se jkunu intitolati għal benefiċċji
  • Sal-2021 se jkun ristrett il-bejgħ ta’ stikek tal-lollipos, stikek tal-bżieżaq, stikek tal-cotton buds, straws, pożati, platti u oġġetti oħra magħmula minn plastik li jintuża darba.
  • Se jiġu installati kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart fiż-żoni kollha mal-kosta, siti tal-campings, siti tal-picnics u żoni turistiċi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Herrera saħaq li b'dak imħabbar illum, Malta se tkun l-ewwel pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li se jkollha strateġija biex jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Il-pubbliku qed ikun mistieden jissottometti l-opinjonijiet u l-kummenti dwar din l-Istrateġija fuq l-indirizz tal-imejl: [email protected]

Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu sal-21 ta' Ġunju 2019.

More in Politika