'Dan il-Gvern huwa kontra l-abort ... il-billboard tal-PN huwa sinjal ta' paniku' - Muscat

Il-Prim Ministru jtenni l-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort

Waqt li kien qiegħed jitkellem f'attività politika f’San Pawl il-Baħar, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li l-Gvern Laburista huwa kontra l-introduzzjoni tal-abort.

Muscat qal li l-Partit Laburista qatt ma kellu mandat biex idaħħal l-abort u li l-politika tal-Gvern attwali dejjem kienet favur il-ħajja.

Muscat irrefera għall-billboard imtella' mill-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum bħala, “sinjal ta’ paniku ta’ partit li jinsab dahru mal-ħajt u għalhekk qed joħroġ il-karta tal-abort.”

“Għal dawn l-aħħar 15-il sena, kull meta ġew daharhom mal-ħajt ,dejjem ħarġu l-karta tal-abort biex iqajmu paniku,” saħaq Muscat.

Muscat sostna li minflok jitkellmu fuq il-problemi u l-inkwiet tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista jinsab iffissat fuq il-fantasija tal-abort. “Jien ħsibthom se jitkellmu fuq il-problema tal-housing, tal-kera jew tal-ambjent, minflok aħna qegħdin nagħmlu dan,” qal il-Prim Ministru.

Żied jgħid li din il-prattika turi li dan il-Gvern Laburista huwa wieħed li, "għandu l-polz tal-poplu, li jaf x’inhuma l-problemi u jaf kif se jsolvihom."

Apparti minn hekk huwa qal li l-Kampanja tal-Partit Laburista hi waħda ta’ bla preċedent hekk kif mhux biss qed titkellem fuq is-suċċessi ta’ Gvern Laburista iżda qiegħda titkellem fuq it-tħassib u l-inkwiet tal-Maltin.

More in Politika