'L-iskop tagħna huwa li nagħmlu lil kulħadd sinjur żgħir' - Muscat

Muscat jgħid li l-pensjoni se terġa tiżdied fil-baġit u li l-iskop tal-Gvern li jmexxi huwa li jagħmel lil kulħadd sinjur 

Joseph Muscat, PM u Mexxej Laburista
Joseph Muscat, PM u Mexxej Laburista

Meta kien qed jitkellem ilejla f'San Ġwann il-PM Joseph Muscat qal illi l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li Malta se jkun il-pajjiż l-aktar li jimxi 'l quddiem ekonomikament fiż-żmien li ġej. "Malta se tkompli tikber u se tkompli toħloq ix-xogħol, il-pagi se jkompli jissaħħu u jlaħħqu mal-ħajja qaltilna l-Kummissjoni u ta' dan irrid nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom," sostna Muscat li qal ukoll li pajjiżna qed jagħmel miraklu ekonomiku. 

"Ikun hemm min jgħir għalina u agħar minn hekk isibu min ikompli magħhom minn hawn stess," sostna l-Mexxej Laburista li żied jgħid illi l-problema hija li l-Gvern preċedenti ma kienx jiddeċiedi. "Ma kienx żied il-paga minima ... minflok kienu jgħidu li aħna se niffriżaw il-pagi, minflok żidnieha u rajna li ħadd ma jibqa' fuq il-paga minima aktar minn sena."

Hu qal li l-pensjonanti jistgħu jserrħu rashom li se jerġa jżidhom fil-baġit li ġej filwaqt li qal li meta l-Gvern "iżid il-pagi, ineħħi l-miżati tal-Matsec, jagħti trasport pubbliku b'xejn ... ifisser li l-ġid qed jasal għand kulħadd. L-iskop tagħna huwa li nagħmlu lin-nies sinjuri żgħar" qal il-Prim Ministru f'eku tal-messaġġ ta' Chris Fearne fil-mass meeting tal-PL nhar l-1 ta' Mejju.   

"Issa ma nistgħux inħarsu lura," insista Muscat filwaqt li qal illi hemm bżonn ittieħdu deċiżjonijiet biex il-pajjiż jibqa' miexi 'l quddiem.

"Aħna noħolqu x-xogħol, mhux niżirgħu l-qtigħ ta' qalb," għalaq Muscat, "għalhekk tal-25 ta' Mejju hija għażla bejn Joseph Muscat u Adrian Delia." 

 

More in Politika