Il-PN b'saħħtu fir-Rabat, inaqqas f'Għajnsielem u jċedi l-Għarb (7)

L-ILLUM tkompli bis-sensiela sħiħa ta’ artikli li jħarsu lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, ix-xejriet u l-previżjonijiet ... din il-ġimgħa nibdew inħarsu lejn Għawdex

Fis-seba’ artikli minn sensiela li fihom l-ILLUM qed tagħti ħarsa lejn ir-riżultati tal-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fil-lokalitajiet kollha, din il-ġimgħa l-gazzetta se taqsam il-fliegu biex tibda tħares lejn il-lokalitajiet Għawdxin.

Bħalma għamlet għal-lokalitajiet Maltin, din il-gazzetta qed tħares lejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet lokali fid-dawl tal-kuntest politiku li fihom saru dawn l-elezzjonijiet, jekk magħhom kinux saru elezzjonijiet oħra u anke x’effett ħallew kandidati indipendenti jew minn partiti żgħar.

Il-lokalitajiet ta’ din il-ġimgħa huma r-Rabat, Għajnsielem, l-Għarb, il-Fontana, Kerċem, l-Għasri u l-Munxar.

Għalkemm kważi kollha huma lokalitajiet Nazzjonalisti, interessanti kif fl-Għasri, wieħed mill-iżgħar irħula Għawdxin, il-Partit Laburista qalibha lill-Partit Nazzjonalista u kif fl-Għarb, minkejja li l-Partit Nazzjonalista huwa b’saħħtu, din is-sena ħareġ inqas kandidati minn kemm normalment jeleġġi.

Il-ġimgħa d-dieħla nagħtu ħarsu lejn il-bqija tal-lokalitajiet Għawdxin u hekk tiġi fi tmiemha din is-sensiela ta’ artikli li ppubblikat l-ILLUM fil-ġimgħat li se jwassluna għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.

Ir-Rabat (Għawdex): il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsaħħaħ id-distakk favurih

Fir-Rabat iż-żewġ partiti huma b’saħħithom, iżda l-Partit Nazzjonalista dejjem ġab l-akbar ammont ta’ voti u apparti minn hekk, fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, dejjem irnexxielu jżid il-voti tiegħu.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fil-kapitali Għawdxija saru fl-2006, fl-2009 u fl-2013, jiġifieri l-elezzjoni għall-kunsill saret kemm waħedha, kemm ma’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kemm ma’ elezzjoni ġenerali.

Fl-elezzjoni tal-2006, jiġifieri meta din ġiet waħedha, il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-kunsill lokali, b’distakk ta’ 590 vot, wara li kiseb 2,070 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 1,480 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2009, jiġifieri mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif se jerġa’ jiġri inqas minn xahar ieħor. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, tant li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,489 vot, filwaqt li l-Partit Laburista ġab 1,776 vot. Dan ifisser li d-distakk bejn il-partiti tela’ għal 713-il vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni tal-2013. Minkejja li f’Għawdex kien hemm ċaqliqa sostanzjali favur il-Partit Laburista, fir-Rabat il-Partit Nazzjonalista rreġistra żieda qawwija fil-voti, forsi anke għax aktar nies ħarġu jivvutaw.

Fil-fatt, fl-2013, il-Partit Nazzjonalista kiseb 3,003 voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 1,943 vot, biex id-distakk reġa’ kiber għal 1,060 vot.

Din is-sena x’aktarx li ż-żewġ partiti jnaqqsu fil-voti tagħhom ġaladarba l-elezzjoni mhux ġejja ma’ waħda ġenerali u għalhekk it-turnout x’aktarx li jkun simili għal dak tal-2009, meta ħarġu jivvutaw 79% tar-Rabtin.

Sal-2013, il-Partit Nazzjonalista kien qed igawdi minn vantaġġ komdu iżda fil-politika sitt snin huma ħafna. Jekk noqogħdu fuq it-tendenzi, il-Partit Nazzjonalista se jirbaħ b’mod komdu dan il-kunsill, iżda kif jgħid il-Malti: it-tiġrija sal-barkun.

Għar-Rabat, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta ħames kandidati, filwaqt li l-Partit Laburista ħareġ erba’ kandidati.

Il-Fontana: lokalità żgħira Nazzjonalista

Il-Fontana tista’ titqies bħala lokalità żgħira Nazzjonalista. Fil-Fontana, fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, il-Partit Nazzjonalista dejjem kiseb aktar minn 60% tal-voti u dan anke jekk id-distakk, f’termini ta’ voti, mhuwiex xi wieħed kbir, ġaladarba l-popolazzjoni tal-Fontana hija żgħira.

Fl-2005, sena wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kiseb 341 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 208 voti, biex b’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62% tal-voti.

Fl-2008, għall-kuntrarju tal-2005, l-elezzjoni lokali mhux talli ma saritx waħedha, talli saret ma’ elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Forsi għax aktar nies ħarġu jivvutaw, iż-żewġ partiti żiedu l-voti, partikolarment il-Partit Nazzjonalista, tant li kiseb 67% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 436 vot u l-Partit Laburista 214-il vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ il-Partit Laburista. Għalkemm dan kien l-inqas distakk li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin fil-Fontana, f’termini ta’ persentaġġ kien għadu b’saħħtu, jiġifieri 61.79% tal-voti.

Dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista naqqas ftit voti biex kiseb 427 vot u l-Partit Laburista żied il-voti biex kiseb 264 vot.

Din is-sena, ġaladarba l-elezzjoni lokali mhix se ssir ma’ elezzjoni ġenerali, x’aktarx li inqas nies joħorġu jivvutaw. Madanakollu, huwa fatt, li l-Partit Nazzjonalista jgawdi minn appoġġ tajjeb f’din il-lokalità.

Fil-Fontana, iż-żewġ partiti ħarġu erba’ kandidati kull wieħed.

Għajnsielem: il-Partit Nazzjonalista għan-niżla

F’Għajnsielem, mill-2008 ’l hawn, il-Partit Nazzjonalista, għalkemm għadu fil-maġġoranza, irreġistra tnaqqis konsiderevoli fl-ammont ta’ voti li kiseb.

Fl-elezzjoni lokali tal-2008, li saret mal-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista rebaħ 1,229 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 619-il vot. Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista kien kiseb 66% tal-voti, jew inkella rebaħ b’distakk ta’ 610 voti.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2012. Magħha ma kien hemm l-ebda elezzjoni oħra, tant li ż-żewġ partiti naqsu fil-voti tagħhom, għax kif wieħed jimmaġina, inqas nies ħarġu jivvutaw.

Il-Partit Nazzjonalista kiseb 1,030 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 519-il vot. Fl-istess sena, kandidat indipendenti kien kiseb 19-il vot.

L-aħħar elezzjoni lokali f’Għajnsielem saret fl-2015, fl-istess jum tar-referendum dwar il-kaċċa. Il-Partit Nazzjonalista reġa’ naqqas il-voti biex kiseb 994 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied u kiseb 644 vot, biex id-distakk bejn il-partiti niżel għal 330 vot. Kandidat indipendenti kiseb 330 vot.

Dan ifisser li filwaqt li fl-2008, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 66% tal-voti, fl-aħħar elezzjoni lokali kiseb 52% tal-voti. Jista’ jkun ukoll riflessjoni tal-fatt li n-Nazzjonalisti joħorġu inqas jivvutaw meta ma jkunx hemm elezzjoni ġenerali. Din it-tendenza ħarġet ċara f’din l-analiżi li l-gazzetta ILLUM ilha tagħmel għal diversi ġimgħat.

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena tista’ tkun inċentiv biex aktar nies, inkluż Nazzjonalisti joħorġu jivvutaw għall-elezzjoni lokali u l-Partit Nazzjonalista ma jkomplix inaqqas il-voti bħall-aħħar snin.

Din is-sena wkoll, l-ebda kandidat indipendenti mhu se jikkontesta għall-kunsill lokali ta’ Għajnsielem. Għalhekk, wieħed irid jara fejn imorru dawk il-246 vot li kiseb kandidat indipendenti fl-2015.

Il-Partit Laburista ħareġ tliet kandidati għal dan il-kunsill lokali, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ erbgħa.

L-Għarb: lokalità Nazzjonalista iżda l-PN ma joħroġx biżżejjed kandidati

Bħall-Fontana, l-Għarb hija lokalità oħra żgħira Nazzjonalista u bħal Għajnsielem tkompli tikkonferma dak li ħareġ mill-analiżi li ilha tagħmel din il-gazzetta, jiġifieri li hemm tendenza li n-Nazzjonalisti joqogħdu aktar id-dar meta l-elezzjoni lokali ma ssirx ma’ dik ġenerali.

Iżda din is-sena, l-elezzjoni lokali fl-Għarb se tkun waħda interessanti. Minkejja li din hija lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kiseb appoġġ, il-PN ħareġ biss 2 kandidati, jiġifieri inqas minn kemm għandu kunsilliera bħalissa.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fl-Għarb saru fl-2006, fl-2009 u fl-2013, jiġifieri l-elezzjoni għall-kunsill saret kemm waħedha, kemm ma’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kemm ma’ elezzjoni ġenerali.

Fl-2006, meta l-elezzjoni lokali saret waħedha, il-Partit Nazzjonalista kiseb 504 voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 211-il vot. Ma jidhirx distakk kbir, iżda għal raħal b’popolazzjoni żgħira, dan fisser li l-Partit Nazzjonalista ġab 70% tal-voti.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2009. F’dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti biex kiseb 442 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied il-voti biex kiseb 286 vot. L-Alternattiva Demokratika kienet ġabet 99 vot. Fi tliet snin, minn 70% tal-voti, il-Partit Nazzjonalista kiseb 53%.

L-aħħar elezzjoni lokali fl-Għarb saret fl-2013, mal-elezzjoni ġenerali u għalhekk aktar nies, inkluż Nazzjonalisti, ħarġu jivvutaw biex il-Partit Nazzjonalista reġa’ żied u kiseb 61% tal-voti.

F’dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 569 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 354 vot.

L-elezzjoni ta’ din is-sena mhux se ssir ma’ elezzjoni ġenerali u għalhekk x’aktarx li inqas nies joħorġu jivvutaw. Jekk it-tendenza tkompli tirrepeti ruħha, in-Nazzjonalisti huma l-aktar li se jibqgħu d-dar.

Kemm se jżidu jew inaqqsu voti l-partiti ħadd ma jaf. Li se jaffettwa żgur huwa l-fatt li:

  1. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ żewġ kandidati biss, jiġifieri inqas minn kemm għandu kunsilliera attwalment; 
  2. Il-Partit Laburista ħareġ sitt kandidati; u
  3. Tliet kandidati se jikkontestaw f’isem il-grupp l-Għarb l-Ewwel.

Ta’ Kerċem: raħal li dejjem baqa’ blu

Ta’ Kerċem hija lokalità ta’ daqs medju meta wieħed jikkunsidra l-popolazzjoni ta’ ħafna mill-irħula żgħar f’Għawdex. Hija wkoll lokalità li dejjem tat maġġoranza qawwija Nazzjonalista, f’kull waħda mill-aħħar tliet elezzjonijiet lokali.

Fl-2007 u allura sena qabel elezzjoni li l-PN rebaħ bi żbrixx il-Partit Nazzjonalista kiseb 620 vot jew 58% filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 446 vot jew 41.8%, differenza ta’ 17% favur il-Partit Nazzjonalista.

Fl-2012 meta l-elezzjoni lokali saret waħedha wkoll, bħall-2007, iż-żewġ partiti żiedu n-numru ta’ voti b’mod ċkejken, bil-PL jirbaħ xi ftit f’termini ta’ perċentwal. Fil-fatt b’624 vot il-PN kiseb 57% u b’463 vot il-PL tela’ għal 42.5%.

Fl-2015 imbagħad meta l-elezzjoni lokali saret mar-referendum tal-kaċċa kien hemm ‘splużjoni’ fin-numru ta’ votanti li vvutaw biż-żewġ partiti jżidu l-voti u l-PN jikseb l-aqwa riżultat li qatt kiseb hawnhekk. B’801 vot il-PN kiseb 59% u b’537 il-PN kiseb 40%.

Dan juri illi anke f’raħal żgħir bħal dan ħafna Nazzjonalisti wkoll baqgħu d-dar meta l-elezzjoni lokali saret waħedha.

Minkejja li x-xenarju politiku nazzjonali huwa ħażin ħafna għall-PN, skont is-sondaġġi,  f’irħula bħal Ta’ Kerċem il-PN huwa mistenni li jżomm il-maġġoranza, speċjalment fid-dawl illi din se tkun l-ewwel darba illi l-elezzjoni lokali se ssir ma’ waħda nazzjonali.

L-Għasri
L-Għasri

Lokalità żgħira b’maġġoranza stabbli Nazzjonalista

L-Għasri hija lokalità żgħira ħafna tant li fl-2013 kienu ftit iktar minn 300, dawk li kellhom dritt għall-vot. 

Il-PN hawnhekk kiseb dejjem maġġoranza qawwija, għalkemm in-numru ta’ votanti hawnhekk ftit jista’ jkun ta’ soljev għall-partit li s-sondaġġi juru illi jinsab eluf u eluf  ta’ voti wara l-Partit Laburista. Hawnhekk fl-2013 u allura ma’ elezzjoni ġenerali li l-PL rebaħ bil-kbir, l-PN kiseb 178 vot (57%) u l-PL kiseb 45 vot inqas biex kiseb 42% tal-voti.

Minkejja li n-numri nbidlu l-PN dejjem baqa’ jżomm mas-57% tal-voti u l-PL mat-42%, kemm fl-2008 meta l-PN rebaħ elezzjoni ġenerali wkoll u anke fl-2015.

Peress li l-persentaġġi baqgħu prattikament statiċi, huwa improbabbli ħafna illi n-numri jinbidlu fl-elezzjoni lokali li jmiss.

Il-Munxar: lokalità żgħira li qalbet l-alleanza politika

Il-Munxar hija lokalità żgħira oħra, bħall-Għasri fost l-iżgħar f’Malta. Interessanti kif kuntrarjament għall-Għasri r-riżultat hawnhekk ma kienx stabbli, tant li minn maġġoranza Nazzjonalista dan ir-raħal sar maġġoranza Nazzjonalista fl-2015.

Fl-2007 l-ebda partit ma kiseb maġġoranza assoluta hekk kif il-PN kiseb 46%, jew maġġoranza relattiva. Il-PL min-naħa l-oħra kiseb 325 vot jew 41% filwaqt li l-AD kisbet 91 vot.

Fl-2012, meta l-elezzjoni lokali saret waħedha u kontra x-xejra f’lokalitajiet oħrajn l-PN żied ftit il-vot tiegħu għal 370 (51.4%) u l-PL naqqas bi ftit (291). L-AD naqqset ukoll u kisbet 58 vot.

Fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa u meta l-Alternattiva Demokratika ma kkontestatx, il-PL rebaħ hekk kif kiseb 456 vot u allura kiseb 53% tal-voti. Il-PN naqqas bi ftit voti u b’366 kiseb l-agħar riżultat tiegħu f’din il-lokalità.

 

More in Politika