Il-Gvern iħabbar li se jibni 500 appartament aktar milli kien ħabbar fi Frar

Wara studji li saru, irriżulta li fl-istess siti l-Gvern se jibni 1,000 appartament minflok 500 kif kien ħabbar fi Frar li għadda

Dalgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Gvern ħabbar li l-għadd ta’ flats li kien ħabbar li se jibni fi Frar li għadda, se jkun qed jiżdied minn 500 appartament għal 1,000 imqassma fi 22 sit.

Waqt il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fakkar kif fis-6 ta’ Frar li għadda, il-Gvern ħabbar proġett ta’ bini ta’ 500 unit ta’ housing soċjali mqassma fi 22 sit,  liema proġett ta’ housing soċjali kien se jkun iffinanzjat mill-Progamm taċ-Ċittadinanza b’Investiment (IIP).

Madanakollu, is-Segretarju Parlamentari saħaq li wara studji li saru, irriżulta li l-għadd tal-appartamenti se jiżdied minn 500 għal 1,000 appartament, xorta waħda mqassma fi 22 sit, mifruxa fi 12-il lokalità.

Spjega, kif dawn l-appartamenti se jkunu jinkludu dawk b’kmamar tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta, skont l-esiġenzi li għanda quddiemha bħalissa l-Awtorità.

“B’dak li qed inħabbru llum se nkunu qed noffru 500 appartament aktar għal dawk il-persuni u l-familji l-aktar vulnerabbli,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Galdes spjega kif dan kien possibbli permezz ta’ ppjanar aħjar u anke żieda fl-investiment biex issa l-ispiża għal dan il-proġett se tkun qed tlaħħaq is-€60 miljun, dejjem mill-Proġramm taċ-Ċittadinanza b'Investiment.

Kompla jisħaq li dawn l-appartamenti se jkunu qed joffru mhux biss kenn għal dawn il-persuni u l-familji vulnerabbli iżda se jassigura wkoll ambjent sabiħ għal-lokalità.

"Irrid nirrimarka li din iż-żieda ta' 500 unit se ssir b'rispett sħiħ lejn il-liġijiet u l-policies kollha tal-ippjanar u l-ebda appartament mhux se jinbena f'żoni ODZ," saħaq Galdes.

Fakkar li dan mhuwiex l-uniku proġett ta' housing li qed jaħdem fuqu dan il-Gvern, fejn bħalissa qed jinbnew 700 appartament ieħor f'16-il sit.

"B'kollox dan il-Gvern se jkun qed jibni 1,700 appartament ġdid għall-akkomodazzjoni soċjali. Ma niftakarx proġett daqshekk ambizzjuż ta' housing soċjali," saħaq Galdes.

Filwaqt li ma qalx meta dawn se jkunu lesti, insista li dawn mhuwiex proġetti li jitlestew mil-lum għall-għada, iżda saħaq li bdew ix-xogħlijiet fuq il-permessi u anke l-proċess tat-tenders.

Temm jisħaq li fl-2013, meta nbidel il-Gvern, kien hemm 2,800 persuna fil-lista ta' stennija mingħajr postijiet xi tqassam.

"Dan mhux il-wirt li rrid inħalli jien u l-Prim Ministru Joseph Muscat, aħna jinmpurtana," kompla Galdes. "Dan hu dmir ta' Gvern li jimpurtah mill-batut."

'Din mhijiex soluzzjoni għal dawk li jridu jiffrankaw lira' - Joseph Muscat

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-għadd ta' appartamenti li qed jibni l-Gvern se jkun qed jindirizza nofs id-domanda, waqt li saħaq li dan huwa l-akbar proġett ta' housing soċjali li sar fl-aħħar snin.

"Din hija l-ewwel darba li pajjiżna qed jaħdem fuq strateġija ċara, b'miżuri li ma jħarsux biss lejn is-sitwazzjoni preżenti imma wkoll lejn ċikli oħra li jista' jkollna fil-futur," qal Muscat. "Il-housing soċjali kien settur li tħalla fil-ġenb għal ħafna snin. Is-sitwazzjoni li writna llum hija frott policy li ħarġet 15-il sena ilu biex ma jibqgħux isiru, jew ikunu limitati l-proġetti ta' housing soċjali."

Din mhijiex soluzzjoni għal dawk li jridu jiffrankaw lira. Jekk int timxi 'l quddiem se ngħinuk tagħmel dak il-pass u l-post jitħalla għal min fil-ġenerazzjonijiet li jmiss ikollu bżonn aktar għajnuna

Tenna li din mhijiex is-soluzzjoni għal kulħadd. Huwa proġett li se jindirizza l-aktar persuni vulnerabbli tas-soċjetà.

"Din mhijiex soluzzjoni għal dawk li jridu jiffrankaw lira," insista Joseph Muscat. "Jekk inti timxi 'l quddiem, ngħinuk timxi 'l quddiem u dak il-post jitħalla għal min fil-ġenerazzjonijiet li jmiss ikollu bżonn aktar għajnuna."

Il-Prim Ministru tkellem ukoll li filwaqt li l-maġġoranza tal-Maltin huma sidien ta' djarhom, il-Gvern qed jgħin u se jgħin lil dawk li qed isibuha diffiċli biex jixtru dar, fosthom dawk li jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ġdida wara li jintemm iż-żwieġ tagħhom.

Ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar il-proġett tal-Equity Sharing li permezz tiegħu l-Gvern se jgħin lil dawn il-persuni.

More in Politika