It-tmexxija tal-PN irrassenjata għal telfa b’distakk ta’ 40,000+ ... u l-PL jaf jitlef tliet Kunsilli

  • Sorsi viċin Delia jgħidu li qed iħarsu lejn distakk li ftit iċċaqlaq minn meta l-ILLUM żvelat il-miri tal-PN (40,000 sa 50,000)
  • Il-PL xi ftit inkwetat dwar ir-Rabat u l-Imsida u anke l-Furjana
  • Il-Belt Valletta, lokalità li dejjem kellha maġġoranza Nazzjonalista, qed tilgħab

Muscat ma jridx iwebbel bin-numri imma ta' Delia qed jgħidu illi bejn 40,000-50,000
Muscat ma jridx iwebbel bin-numri imma ta' Delia qed jgħidu illi bejn 40,000-50,000

L-ogħla strutturi fil-Partit Laburista huma mħassbin fuq tliet Kunsilli madwar Malta fejn il-maġġoranza Laburista tinsab fiċ-ċans li tintilef.

Sorsi fil-partit żvelaw ma’ din il-gazzetta li skont riċerka rigoruża interna, il-maġġoranza Laburista fil-lokalitajiet tal-Imsida, ir-Rabat (Malta) u l-Furjana kollha qegħdin fiċ-ċans li jintilfu.

Minkejja dan it-tħassib il-PL m’għandux inkwiet fuq livell nazzjonali hekk kif sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi l-mira tal-Partit għall-elezzjoni l-oħra, tal-Parlament Ewropew, għadha bejn wieħed u ieħor l-istess, jiġifieri madwar 50,000 favur il-Partit Laburista. “S’issa għadna qed inħarsu lejn distakk li huwa l-istess, forsi ftit inqas, xi 45,000 vot favur il-Labour. Fl-istess ilma bejn wieħed u ieħor.”

It-tħassib tal-PL hu ffokat l-aktar fuq il-lokalitajiet tar-Rabat u l-Imsida, żewġ lokalitajiet b’maġġoranza Laburista. F’dawn iż-żewġ lokalitajiet kien hemm tilwim intern kif ukoll problemi relatati mal-governenza. Primarjament, in-nies involuti huma Charles Azzopardi u Lino Bartolo. Kienet din il-gazzetta li bħal-lum ġimgħa, irrapportat kif is-Sindku tar-Rabat, Charles Azzopardi, li kien fetaħ il-kanuni fuq il-midja soċjali u saħanistra fuq NET TV, għax ma tħalliex jikkontesta, qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Hu jgħid li huwa l-kunsill li qed ikun investigat mhux hu. (Ara storja separata).

Lino Bartolo
Lino Bartolo

Fl-istess edizzjoni tal-ILLUM, kien ippubblikat artiklu ieħor li jgħid kif is-sitwazzjoni bejn il-Kunsilliera tal-Partit Laburista fl-Imsida tant kienet spiċċat ħażin illi l-maġġoranza tal-kandidati Laburisti Misidjani kienu lesti jirtiraw il-kandidatura tagħhom kieku l-partit ħalla lil Lino Bartolo jerġa’ jikkontesta. Finalment, Bartolo rriżenja minn Kunsillier Laburista u ħabbar li se jibqa’ u jikkontesta bħala indipendenti.

Charles Azzopardi
Charles Azzopardi

Iż-żewġ kunsilliera Laburisti kontinwament saru jitkellmu fl-apert kontra t-tmexxija tal-Partit Laburista. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ telenovelli politiċi, is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM stqarrew li “l-ħsara li qed issir minn dawn iż-żewġ kunsilliera taf twassal għat-telfa tal-maġġoranza.”

 

Ta’ min jgħid li fil-każ tal-Imsida, din tista’ faċilment twassal għat-telfa tal-maġġoranza hekk kif fl-aħħar elezzjoni, il-PL kiseb maġġoranza ta’ 27 vot biss. Fl-aħħar elezzjoni lokali Bartolo kien ġab madwar 202 voti.

 

Fl-istess waqt, fil-lokalità tar-Rabat iż-żewġ partiti dejjem kienu ras imb ras, sakemm fl-elezzjonijiet tal-2009 u 2013 il-Partit Laburista qabeż għalkollox lill-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar elezzjoni dan id-distakk kien ta’ 1,000 vot meta Azzopardi kien kiseb 2,267 vot.

Tajjeb wiegħed jinnota li r-Rabat, iktar minn postijiet oħrajn jeżisti l-fattur tal-kaċċa li jista’ jagħmel xi ftit ta’differenza wkoll fir-riżultat aħħari, speċjalment hekk kif ftit ġimgħat ilu kien deċiż mill-Ornis illi l-kaċċa fuq il-gamiema f’din ir-Rebbiegħa ma tistax issir. Din id-deċiżjoni ma tantx intlagħqtet tajjeb minn bosta kaċċaturi.

Nigel Holland
Nigel Holland

Il-Furjana u l-Imqabba fuq ir-radar tal-Partit

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM saħqu wkoll li l-lokalità tal-Furjana tista’ titlef il-maġġoranza li nkisbet fl-2013.

Il-Furjana dejjem kienet l-lokalità li tista’ tgħid, toffri l-antiteżi tas-sistema taż-żewġ partiti politiċi f’Malta, hekk kif għal diversi snin, il-kandidat indipendenti Nigel Holland serva ta’ Sindku tal-Furjana. Tajjeb li ninnotaw li fl-aħħar elezzjoni li saret ma’ dik ġenerali, Holland kien ġab 132 vot. Fl-istess waqt, il-kandidat Publio Agius f’isem Aġenda Soċjali għall-Furjana kien ukoll kiseb riżultat tajjeb.

Il-kandidatura ta’ Nigel Holland toffri sfida kbira liż-żewġ partiti, hekk kif Holland huwa persuna sinonimu mal-Furjana, popolari ma’ votanti ta’ kwalunkwe kulur politiku, midħla tal-festa u l-klabb tal-futbol. Ta’ min isemmi wkoll li fl-aħħar elezzjoni, il-Partit Laburista żied biss 10 voti, minn dik ta’ qabel.

Il-Mellieħa: tiġrija sal-barkun ...
Il-Mellieħa: tiġrija sal-barkun ...

Il-PN irrassenjat li se jitlef b’25% iżda qed jipproġetta l-Mellieħa

Intant, sorsi mill-Partit Nazzjonalista spjegaw li skont riċerka li sondaġġi interni li qed jagħmlu, il-PN mistenni jitlef mat-25% tal-Kunsilli qabel biss issir l-elezzjoni.

 

Minkejja dan, huma qalu li prestazzjoni tajba fir-raħal tal-Mellieħa, attwalment taħt kontroll Laburista hi waħda mill-miri ewlenin tal-elezzjoni ta’ dan ix-xahar.

Ta’ min jgħid li l-Mellieħa hija lokalità interessanti għall-fatt li ma hemmx distakk kbir bejn iż-żewġ partiti, tant li fl-2008, minkejja li l-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza tal-voti, il-Partit Nazzjonalista eleġġa aktar siġġijiet u spiċċa biex imexxi huwa.

Dakinhar, John Buttigieg, kandidat Laburista kien ġab 239 vot aktar mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar però finalment, kien Cutajar li spiċċa fit-tmexxija tal-Kunsill.

Fl-aħħar elezzjoni tal-2013, il-PL reġa’ żied il-voti u kiseb 3,170 vot, filwaqt li l-PN kiseb 2,891 vot biex id-distakk tela’ għal 279 vot.

Alfred Zammit: Minn Kalamita għal Sindku?
Alfred Zammit: Minn Kalamita għal Sindku?

Mistoqsijiet kbar fuq il-maġġoranza tal-kapitali

Apparti minn dan, il-belt kapitali ta’ Malta, minkejja li hi lokalità tradizzjonalment Nazzjonalista taf tintrebaħ minn kwalunkwe partit. Ta’ min jgħid li fl-2013, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien ta’ 150 vot, bil-PN jikseb 2,453 vot u l-Partit Laburista jikseb 2,303 voti.

 B’hekk il-perċentaġġ bejn iż-żewġ partiti huwa biss ta’ 2%.

Filwaqt li l-PN żied il-voti fl-2008 u reġa’ naqqashom fl-2013, il-Partit Laburista fil-Belt baqa’ dejjem iżid il-voti f’kull elezzjoni. Fl-istess waqt, din is-sena l-lista tal-kandidati tal-PL se tinkludi l-veteran Ray Azzopardi u l-preżentatur popolari, Alfred Zammit li mistenni jkun kalamita ta’ voti Fuq in-naħa l-oħra, is-Sindku attwali Christian Micallef, li ħa post Alexei Dingli meta rriżenja ftit tax-xhur ilu, mistenni wkoll ikun fuq ta’ quddiem sabiex jiddefendi l-maġġoranza Nazzjonalista fil-kapitali.

Apparti dawn il-lokalitajiet, il-PN litteralment ċeda l-lokalità tal-Għarb fejn l-istess partit kien jaqbeż is-60%.

Christian Micallef, Is-Sindku kurrenti tal-Belt Valletta
Christian Micallef, Is-Sindku kurrenti tal-Belt Valletta

More in Politika