Pjan ġdid għal titjib fit-toroq arterjali bejn Pembroke u San Ġiljan

Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet għal erba’ mini ġodda u t-twessigħ ta’ Triq Sant Andrija biex ittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza fil-konnessjonijiet tat-toroq arterjali bejn Pembroke, San Ġiljan u lokalitajiet oħrajn

Ritratt | Infrastructure Malta
Ritratt | Infrastructure Malta

Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet għal erba’ mini ġodda u t-twessigħ ta’ Triq Sant Andrija biex ittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza fil-konnessjonijiet tat-toroq arterjali bejn Pembroke, San Ġiljan u lokalitajiet oħrajn fil-madwar.

Pembroke-St Julian’s Connections huwa proġett ġdid li jestendi minn Triq il-Kosta sa Triq Reġjonali, qabel il-Pont Manwel Dimech u d-daħliet tat-tramuntana tal-mini f’Ta’ Giorni. Ilbieraħ (il-Ġimgħa), Infrastructure Malta ippreżentat l-applikazzjonijiet inizjali lill-Awtoritá tal-Ippjanar biex tkun tista’ tiġi varata l-konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett u jinkisbu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa, skont il-proċeduri applikabbli.

Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija u parti minn Triq il-Kosta b’erba’ korsiji, it-tneħħija ta’ diversi sistemi ta’ traffic lights u djuq oħrajn li hemm fit-toroq tul din ir-rotta, kif ukoll erba’ mini ġodda biex jiffaċilitaw l-aċċess b’mod aktar sigur u mgħaġġel minn u lejn Pembroke, Paceville, San Ġiljan u s-Swieqi. B’dan it-titjib, Infrastructure Malta se ttejjeb il-kapaċità ta’ din il-ħolqa ta’ toroq arterjali biex jonqos it-traffiku li bħalissa jgħaddi minn għadd ta’ toroq residenzjali fl-inħawi ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, kif ukoll it-tniġġis fl-arja u r-riskji ta’ aċċidenti li dan iġib miegħu. Fl-istess waqt, il-proġett qed joħloq ukoll l-infrastruttura ġdida meħtieġa biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tat-trasport ta’ din iż-żona fil-ġejjieni.   

L-itwal mina mill-erbgħa li se jsiru se tgħaqqad it-tarf tan-nofsinhar ta’ Triq il-Kosta (in-naħa ta’ High Ridge) mal-Bajja ta’ San Ġorġ. Din il-mina taħt l-art se tkun twila 1.5 kilometri u se jkollha żewġ korsiji, waħda f’kull direzzjoni. B’hekk, se tipprovdi aċċess aktar mgħaġġel lejn l-inħawi ta’ max-xatt ta’ Paceville u San Ġiljan meta tkun ġej min-naħa ta’ fuq ta’ Malta, mingħajr ma tgħaddi mill-inħawi residenzjali ta’ Pembroke u s-Swieqi. Kuntrarjament għal proposti li saru qabel għal dawn l-inħawi, din l-infrastruttura ġdida se ttejjeb l-aċċess pubbliku għal bosta nħawi f’Paceville u San Ġiljan, u mhux se twassal biss għal xi żvilupp speċifiku.

Mina oħra ta’ nofs kilometru se tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali, qabel ma tasal fil-junction tat-traffic lights ta’ Paceville, direttament ma’ Pembroke (Triq Walter Ganado), biex tipprovdi aċċess eħfef għal din il-lokalità meta tkun ġej min-naħa t’isfel tal-pajjiż. It-tielet mina se tgħaqqad l-istess karreġġjata ta’ Triq Reġjonali mal-Bajja ta’ San Ġorġ biex tagħti daħla alternattiva għall-junction tat-traffic lights ta’ Paceville. Ir-raba’ mina taħt l-art twila 115-il metru se tibda minn Triq il-Knisja (fejn hemm il-Millenium Chapel) u tiżbokka fil-Bajja ta’ Spinola (Triq San Ġorġ). Din il-konnessjoni se tipprovdi ħruġ ġdid minn Paceville u tnaqqas id-diffikultajiet li jinħolqu bil-konġestjoni f’diversi junctions u toroq f’dawn l-inħawi.

Ħruġ ieħor ġdid minn San Ġiljan se jsir minn Triq iż-Żebbuġ, mill-inħawi ta’ The Gardens, lejn il-kareġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali, ftit qabel il-pont Manwel Dimech. Dan se jagħmilha aktar faċli għar-residenti ta’ dawn l-inħawi biex imorru minn u lejn djarhom mingħajr ma’ jgħaddu mill-junctions ewlenin ta’ Paceville u Spinola.

Element ieħor importanti ta’ dan il-proġett huwa l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija u t-tarf tan-nofsinhar ta’ Triq il-Kosta, biex jiġu eliminati diversi partijiet minn dawn it-toroq tas-sistema Ewropea TEN-T li bħalissa jidjiequ għal korsija waħda f’kull direzzjoni. Il-proġett Pembroke-St Julian’s Connections se jwessa’ dawn it-toroq għal erba’ korsiji, waqt li jelimina djuq ieħor li hemm fihom bħalissa. Fl-istess waqt, se jtejjeb il-junctions ta’ Paceville u dik ta’ Pembroke kantuniera ma’ Triq Walter Ganado, kif ukoll il-junction tas-Swieqi faċċata tal-Luxol Grounds.

Dan it-titjib se jwassal biex ikun hemm tnaqqis sinifikanti fil-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija, waqt li jnaqqas it-tniġġis tal-arja u r-riskji ta’ aċċidenti f’diversi toroq residenzjali fl-inħawi, speċjalment f’Pembroke u San Ġiljan.

Fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tkompli tiltaqa’ u tikkonsulta ma’ dawk kollha interessati, inkluż il-Kunsilli Lokali li l-lokalitajiet tagħhom se jibbenefikaw minn dan il-proġett, biex tirfina l-pjanijiet u tiżgura li din il-ħolqa importanti fis-sistema tat-toroq arterjali tiġi msaħħa bl-aħjar mod biex tibqa’ tilqa’ għall-ħtiġijiet tat-trasport ta’ pajjiżna, kemm t’issa kif ukoll dawk futuri.

Filwaqt li l-pjanti dettaljati ta’ Pembroke-St Julian’s Connections se jiġu ppubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess tal-permessi tal-iżvilupp li beda l-bieraħ, disinn tar-rotot tal-erba’ mini ġodda u t-titjib ewlieni li qed jiġi propost jinsabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Infrastructure Malta – fb.me/infrastructuremalta.

Għal aktar informazzjoni jew assistenza, ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew permezz ta’ Facebook, Twitter jew Instagram.

More in Politika