Surġent li ħa ritratt ta' rapport dwar Delia u bagħatu lil Daphne jeħel €10,000

Ir-rapport kien jgħid illi l-Pulzija għamlu tifttixja wara allegazzjoni li l-karozza ta' Delia kien fiha sustanzi illegali, xi ħaġa li ma rriżultatx

Surġent li kien għadda ritratti ta' rapport intern tal-pulizija dwar Adrian Delia lil Daphne Caruana Galizia lura fl-2017 kien immultat €10,000 u kellu l-mowbajl ikkonfiskat dalgħodu. 

Il-każ kien dwar blog ippublikat minn Caruana Galizia fl-2017 waqt it-tellieqa għall-elezzjoni tal-Kap ġdid tal-PN, li Delia kien rebaħ.

It-titlu tal-blog kien 'Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jirrispondi mistoqsijiet dwar rapport anonimu lill-Pulizija'. Caruana Galizia kienet ippublikat ir-ritratt tar-rapport intern. 

Ir-rapport kien jgħid illi Delia kien fil-pussess ta' sustanzi illegali, jew fuq il-persuna tiegħu jew fil-karozza. 

Ir-rapport jgħid illi l-Pulizija marru fuq il-post u malli Delia kkonferma li l-karozza kienet tiegħu, saret tfittxija intensiva ħafna iżda ma nstab xejn illegali, la fuqu u lanqas fil-karozza. 

 

More in Politika