'Inserraħ ras in-nies li se nibqgħu niġġieldu l-korruzzjoni' - Delia

Adrian Delia jirringrazzja lid-Deputati Jason Azzopardi u lill-eks Kap Simon Busuttil li pperseveraw fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Adrian Delia
Adrian Delia

Adrian Delia rrefera għad-deċizjoni ta' dalgħodu li ħadet il-Maġistrat Doreen Clarke u li se tfisser li allegazzjonijiet dwar il-Panama Papers se jkunu inklużi wkoll fl-inkjesta li l-Maġistrat Chamaine Galea qed tagħmel fuq il-kumpanija 17 Black.

"Irridu nagħtu l-konfort li l-Partit Nazzjonalista mhu se jieqaf qatt jiġġieled il-korruzzjoni," saħaq Delia, forsi wkoll sejħa għal dawk in-Nazzjonalisti viċin aktar l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

Huwa, fil-fatt irringrazzja lid-Deputat Jason Azzopardi u lill-eks Kap Simon Busuttil għax fi kliemu, "ipperseveraw fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni," anke jekk Delia stess kien neħħa lil Busuttil minn kelliem dwar il-Governanza t-Tajba wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport Egrant.

"Jidher li hemm fatti ġodda li għandhom jiġu investigati," saħaq Delia waqt li insista li min jagħmel il-ħażin għandu jħallas.

Irrefera wkoll għal dawk li sejħilhom bħala "deals skandalużi" tal-Gvern, fosthom dak mal-Vitals Global Healthcare li qed jiġġieled hu fil-Qrati.

Tkellem fuq dik li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isejħilha taxxa tal-korruzzjoni, ta' €725,000,000. Insista li b'dak l-ammont ta' flus, il-PN kien jibni skejjel, jgħolli l-pensjonijiet u jinvestihom fiż-żgħażagħ, fost oħrajn

More in Politika