'Is-suċċess ekonomiku li qed jgħix pajjiżna huwa frott strateġija aġli, flessibbli u adattabbli'

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jattendi għall-ewwel laqgħa tal-5+5 f'Montepellier

Id-Deputat Laburista u Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia
Id-Deputat Laburista u Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia

Waqt l-ewwel laqgħa tal-5+5 bejn il-ministri responsabbli għall-koeżjoni u l-ippjanar territorjali f’Montpellier, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia spjega kif Malta qed tegħleb sfidi kbar minkejja l-vulnerabbiltajiet varji tagħha u kisbet suċċess ekonomiku bla preċedent.

"Is-suċċess ekonomiku li qed jgħix pajjiżna fil-kuntest tal-ekonomija globali interdipendenti huwa riżultat ta’ strateġija aġli, flessibbli u adattabbli. Dan huwa l-mudell li nissuġġerixxi lil pajjiżi oħra sabiex jiksbu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,”  qal Aaron Farrugia.

Id-djalogu tal-laqgħa ministerjali 5+5 ġġib flimkien lill-pajjiżi Ewropej li jmissu mal-Mediterran: Franza, l-Italja, Malta, Spanja u l-Portugall. Magħhom jingħaqdu l-pajjiżi ġirien mill-Afrika ta’ Fuq: l-Alġerija, il-Libja, Mauritanja, il-Marokk u t-Tuneżija.

Aaron Farrugia qal li ħa nota tal-isfidi li semmew il-ministri tal-pajjiżi l-oħrajn u qal li dawn kienu l-istess sfidi li Malta ffaċċjat ħafna minnhom fil-passat. Għalhekk Malta lesta tgħin lil dawn il-pajjiżi.

“Għalkemm il-pajjiżi f’dan il-qafas huma differenti minn xulxin, l-isfidi li għandna quddiemna huma pjuttost komuni. Għalhekk jagħmel sens li nsolvuhom flimkien b’ħidma effettiva u konverġenti.”

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-profil territorjali Malti hu kkaratterizzat mid-daqs tal-gżejjer Maltin, id-demografiji, l-ekonomija miftuħa, il-populazzjoni densa u d-dipendenza kbira fuq l-importazzjoni. “M’għandna ebda riżorsi naturali u għalhekk irrid nisħaq dwar il-fatt li l-populazzjoni densa li għandu pajjiżna tkompli tikber permezz ta’ żewġ fatturi importanti: iż-żieda fit-turistiżmu u l-immigrazzjoni. Dawn flimkien ipoġġu sfidi ġodda fuq l-ambjent, l-infrastruttura u l-qafas ekonomiku Malti.”

Madanakollu pajjiżna kompla jikber u jikseb suċċess ekonomiku u dan għall-fatt li qatt ma naqas milli jindirizza dawn il-karatteristiċi u l-vulnerabbiltajiet uniċi fil-mudell ekonomiku li fassalna.

“Biex pajjiż ikollu mudell ekonomiku strateġiku biex jikseb konverġenza soċjali u ekonomika, importanti jkollu mudell li jkun imfassal skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż u b’mod ħolistiku. Ma jkunx jagħmel sens li pajjiż jadotta mudell li ntuża f’pajjiżi oħra biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet partikolari.”

Waqt l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni li sabet l-appoġġ tal-membri, liema dikjarazzjoni tħeġġeġ koperazzjoni ikbar fuq numru ta’ temi relatati mal-ippjanar territorjali u ta’ koeżjoni, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern Malti kien qed jappoġġja l-kontenut tad-dikjarazzjoni mfassal mill-Ministeru Franċiż, li jagħti lok għal qafas b’saħħtu ta’ ħidma u skambju ta’ prattiċi tajba.

More in Politika