‘Jekk iqumu fuq tagħhom in-Nazzjonalisti ta’ rieda tajba dak id-distakk inċekknuh’

Peter Agius iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar il-PN, il-biedja, il-kaċċa, il-fondi tal-UE, l-immigrazjoni u aktar...

Peter Agius
Peter Agius

Il-jum tal-vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew issa riesaq sew. F’Ħ’Attard hemm raġel li mhux biss huwa familjari mal-Unjoni Ewropea iżda ħadem fiha u għandu esperjenza tajba tal-operat tagħha. Imma minn wara l-kwinti, jikteb id-diskorsi ta’ Antonio Tajani; il-President tal-Parlament Ewropew.

L-ILLUM titkellem ma’ Peter Agius, li għadu qed jara l-bidu ta’ karriera politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Nibdew billi nistaqsuh kif irnexxielu jagħmel it-tranżizzjoni minn raġel dejjem wara l-kwinti għal kandidat li jmur iħabbat il-bibien tan-nies jitlob għall-vot.

“Mhux evidenti l-ħaġa fis-sens illi wieħed irid jadatta diskorsu, minn wieħed tekniku, dwar fatti u loġika, għal wieħed emottiv. Biex tattira n-nies lejk,” jispjega Agius, “ma tridx tolqot biss il-moħħ, imma tolqot il-qalb ukoll. Man-nies trid tirrelata b’xi ċajta jew kumpliment. Li tkun taf titkellem mhux biżżejjed,” jinsisti Agius li matul l-intervista tiegħu jitkellem dwar il-laqgħat li kellu ma’ setturi differenti tal-poplu.

Ninterrompih u nsemmilu dak il-filmat, li sar famuż, tiegħu jsajjar. Jitbissem u jgħid li hu jħobb jirrelata man-nies. “Mar tajjeb għax xi ħadd qabad miegħi dwaru u qagħad jgħid li jien qisni Nancy tat-tisjir,” jgħid Agius jidħaq.

“L-ewwel nett jiena rrid nippromovi l-prodott Malti u t-tieni jiena ma niddejjaqx nuri min jien, għalkemm hemm ċerti limitazzjonijiet  fejn jidħlu t-tfal.”

Jibża’ li l-limitazzjonijiet jinbidlu jekk ikun elett, kif inbidlu għal bosta politiċi li kellhom id-dawl impoġġi fuq il-ħajja privata tagħhom?

“Ninkwieta kieku jiġri hekk,” jgħid Agius kważi se jibda jinfixel. Jispjega illi minħabba li għadu jibda l-karriera politika tiegħu mhux konxju ta’ dawn, fis-sens li qatt ma esperjenzahom.

‘Ma nsib l-ebda problema li l-votanti jkollhom aspettattiva għolja’

Nirrimarkalu kif minkejja li bħala poplu aħna forsi iktar laxki minn sħabna tat-Tramuntana tal-Ewropa u forsi naċċettaw il-laxkezza f’ħaddieħor, donna li nistennew rettezza kbira u purità mill-politiċi mbagħad. Jaqbel?

“Iva veru. Għax il-politiku jrid jagħti eżempju u jiena naqbel li jkun hemm din l-aspettattiva. Xi kultant meta nkun qed nitkellem fuq il-politika jkun hemm min jgħid illi settur ta’ Nazzjonalisti jistennew aktar mill-politiku, għandhom l-aspettattiva għolja u naqbel li hekk għandu jkun,” jgħid Agius.

Jikkwalifika din l-istqarrija u jsostni illi għalkemm dan huwa sew jekk persuna tiżbalja jeħtieġ tirrikonoxxi l-iżball, tpatti għalih “imma mbagħad timxi ’l quddiem. Ħadd mhu għar-rimi, ma jfissirx li għax persuna tiżbalja għandha tieqaf hemm u daqshekk,” jisħaq mal-ILLUM.

Qed isemmi n-Nazzjonalisti li jippretendu aktar u l-ogħla livell ta’ serjetà u nfakkru illi ħafna minn dawn in-nies ma tantx qed jaqblu mat-tmexxija ta’ Adrian Delia.

‘Il-PN għaddej minn tranżizzjoni’

“Naħseb li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn tranżizzjoni bħalissa,”  sostna Agius li kompla jgħid illi bħalissa hemm parti enormi tal-elettorat li qed iħares lejn il-Partit Nazzjonalista, dak kollu li qed jiġri fih “u kulma jagħmel isir aħbar. Anke l-midja naħseb qed tagħti aktar kas x’qed jgħid u jagħmel il-PN milli l-Gvern.”

Infakkru li s-sitwazzjoni kienet eżatt l-istess meta kien hemm Alfred Sant fl-Oppożizzjoni u l-midja kollha kienet għajnejha fuq il-Partit Laburista.

“Jien naħseb li din l-attenzjoni rridu ndawruha, minn fuq il-politiku għal fuq il-politika. Aħna qed nagħmlu ħafna proposti f’diversi oqsma. Għamilna proposti dwar il-kanċer, il-biedja, iċ-ċivil, il-fondi Ewropej u l-ġimgħa li ġejja dwar is-sajd.”

‘Mhux vera li llum l-assorbiment ta’ fondi mill-UE huwa aħjar’

Din il-gazzetta tistqsih jiddeskrivi waħda mill-proposti u jitkellem dwar il-fondi Ewropej.

“L-UE għandha 75% mill-fondi li tagħti li huma strutturali. Minn dawk aħna ġibna €1.1 biljun. Imbagħad hemm 25% oħra li huma fondi diretti lil kumpaniji, individwi jew għaqdiet biex dawn jagħmlu proġetti differenti.” Fir-rigward ta’ dawn it-tip ta’ fondi Agius jgħid illi r-rata ta’ assorbiment u suċċess hija baxxa ħafna.

Dwar il-fondi, il-PM Muscat diġà tefa’ l-ewwel battuti meta f’Ħal Tarxien qal illi pajjiżna qed jassorbi iktar fondi llum milli taħt Gvern Nazzjoalista.

“Le mhux vera,” jirreaġixxi pront Agius. “Skont il-Ministru stess aħna konna lura. Ma jidhirx li se nitilfu flus imma fl-ewwel sentejn waqajna lura.”

Jgħid iżda li hu mhux jikkritika biss, imma jipproponi wkoll. “Bil-Pjan ta’ Juncker konna nġibu l-flus għall-garanzija tal-Power Station, minflok dik ħariġha l-Gvern,” sostna Agius.

Imma ma jaħsibx illi l-kritika tal-PN, illi l-Gvern se jġib inqas fondi mill-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi, hija inġusta? L-ekonomija kibret, allura mhux naturali li pajjiżna jieħu inqas fondi?

“Dan huwa qari ħażin tas-sitwazzjoni. Il-Prodott Gross Domestiku kiber, imma l-Malti mhux qed jaqla’ aktar. In-nies ma sarux wisq aktar sinjuri milli kienu.”

Qal illi huwa importanti illi nħarsu lejn dawk l-oqsma fejn l-UE qed tinvesti jiġifieri ż-żgħażagħ, id-difiża u d-diġitalizzazzjoni u l-inovazzjoni. Huwa qal illi kważi €10 biljuni se jkunu minfuqa fuq tal-aħħar biss, li allura tfisser kemm irridu naħdmu aktar milli diġà qegħdin f’dan il-qasam. Kien hemm €5.5 miljuni fuq id-difiża u allura investiment kontra attakki ċibernatiċi fost l-oħrajn, filwaqt li l-baġit għall-Erasmus se jittrippla.

“Aħna mhux se nġibu l-flus ta’ Gonzi, għax m’aħniex ippreparati daqs kemm kien Gonzi,” sostna Agius.

Il-proposta tal-FKNK tagħmel ħafna sens

Induru fuq il-kaċċa. Mort fid-djar ta’ kaċċuturi? “Dażgur mijiet ta’ kaċċaturi.”

Imma ħafna minn dawn huma rrabjati għall-fatt li din ir-rebbiegħa l-kaċċa għall-gamiem, li dwarha sar referendum li l-kaċċaturi rebħu, kienet projbita. Ħafna fil-fatt iwaħħlu fil-PN u wegħdi qabel isseħibna fl-UE. Allura xi krettu jista’ jkollu dwar dan is-suġġett?

“Jiena lill-kaċċaturi dejjem nistaqsihom jekk iridux iħarsu lejn il-passat jew inkella lejn il-futur. Jekk inħarsu lejn il-passat u jsemmu l-ittri ta’ Eddie Fenech Adami u Simon Busuttil ngħidilhom li għandhom raġun, ma nistax niċħad. Imma jekk iridu jħarsu lejn il-futur, ngħidilhom mela ejja niddiskutu kif se nipproteġu d-delizzju.”

Jgħid illi għalkemm ma jaqbilx mal-qtil tal-għasafar huwa vvota favur il-kaċċa fir-rebbiegħa “għax jiena wegħedthom li se jibqgħu joħorġu għall-kaċċa u dik kelma ta’ raġel.”

Dwar il-gamiema Agius ifakkar illi huwa vera li din daħlet fil-lista ta’ annimali fil-bżonn kritiku li jkunu salvati, imma jistaqsi; “mela għalfejn xorta qed tiġi kkaċċjata f’pajjiżi bħall-Italja, il-Ġermanja u anke r-Rumanija?”

Filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li fir-rebbiegħa dawn l-għasafar ikunu se jbidu jgħid illi proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) dwar it-torbbija tal-gamiem bħala waħda li tagħmel sens.

Din il-proposta tfisser li jekk jitrabbew, pereżempju 1,000, jittajru u l-kaċċaturi jkunu jistgħu jikkaċċjaw għal 1,000. Agius jinsisti li din il-proposta jeħtieġ tkun sostnuta b’fatti xejntifiċi li juru illi fil-fatt l-għasafar qed jgħixu u jpassu, mhux imutu wara ftit.

“Anke n-nassaba huma rrabjati, dawn waqfilhom kollox. Jiena qed ngħidilhom jiġu u jitkellmu u li l-kaċċa m’għandhiex tkun fuq il-mejda politika.”

  ‘Il-majjal ta’ Malta sejjer il-baħar...’

Induru fuq il-biedja suġġett li qed jissemma ħafna minn Agius, fil-fatt huwa l-unika kandidat li qed jiffoka ħafna fuq il-biedja. Imma billi jiltaqa’ magħhom? Il-prodott tal-bidwi mhux se jlaħħaq ma’ suq ta’ 500,000,000?

Imma Agius filwaqt li jaqbel, jgħid illi mhux id-daqs qed ikun determinanti iżda prezzijiet ta’ servizzi li jużaw il-bdiewa. Jgħid illi fejn pestiċida minn Malta jiswa €120 u aktar, minn Sqallija jixtruh bi €80, fejn jixtru d-diżil b’60ċ, hawn Malta jixtruh b’€1.20 jew €1.30, parti mir-raġuni tkun is-sussidju.

“Il-majjal ta’ Malta l-istess, sejjer il-baħar. Hawnhekk min irabbi ma jingħatax sussidju imma fil-Ġermanja jingħataw €16 għal kull majjal.

Imma dak li jkun, speċjalment politiċi, ħafna drabi jgħidu ‘u iva kemm hemm raħħala, 1,000 persuna kollox?’

Aguis jammetti li din l-idea hija popolari. Qaluhieli u staqsewni għalfejn qed ninħela fuq il-bdiewa. Iva, il-kelma ninħela użaw u qaluli minn kull naħa politika. Anke kieku hawn bidwi wieħed ngħin aħseb u ara 1,000.”

‘Għalija din il-kampanja kienet att ta’ dover’

Resqin lejn l-aħħar tal-intervista. L-ILLUM tirrimarka li Agius daħal fil-partit fl-agħar żmien possibbli, meta l-PN jinsab fi stat ħażin.

“In-Nazzjonalisti għandhom xewqa kbira li l-partit jerġa’ jkun l-għażla naturali tal-poplu,” sostna Agius li kompla jgħid illi minkejja li l-Partit Laburista jakkuża lill-PN illi huwa negattiv “aħna pożittivi, qed inressqu l-proposti u għandna messaġġ mirqum u studjat.”

“Għalija din il-kampanja kienet ‘att ta’ dover’ għax jiena ħsibt li jekk irridu nissalvagwardjaw lill-pajjiż għandna bżonn ekwilibriju politiku.”

In-Nazzjonalisti għandhom xewqa kbira li l-partit jerġa’ jkun l-għażla naturali tal-poplu

“Iddeċidejt li naċċetta l-istedina u nipprova nsaħħaħ il-PN.”

Imma minkejja l-għajununa li qed jipprova jagħti kollox qed jindika li l-PN  xorta se jitlef bil-kbir, inkluż il-possibbilità li jitlef it-tielet siġġu.

Agius ifakkar illi ħlief għal Simon Busuttil, il-PN qatt ma tella’ kandidati f’din l-elezzjoni bil-kwota u allura l-wirt tal-voti se jkun iċ-ċavetta li tiddetermina n-numru ta’ siġġijiet.

“Dan ifisser li mhux ovvju li l-PN ha jitlef it-tielet siġġu.”

Imma jekk il-PN jitlef bil-kbir x’jiġri? “Jiena tesserat wieħed u m’għandix irwol u m’iniex ikkwalifikat biex ngħid x’jiġri. Jiena ma naħsibx li huwa ġust illi waqt kampanja qed nispekulaw dwar ir-riżultat.”

“Huwa ovvju li l-PL qed jgħaddina, imma m’iniex konvint b’kemm. Jekk iqumu fuq tagħhom in-Nazzjonalisti ta’ rieda tajba dak id-distakk iċċekknuh.”

Huwa jisħaq illi s-sondaġġi tajjeb jinqraw imma jgħidu x’jgħidu s-sondaġġi hu mhux se jieqaf jaħdem biex jikkonvinċi.

Se ntemmu l-intervista u nagħtih diversi xenarji

Persuna Nazzjonalista mill-Marsa li se tivvota lil Norman Lowell:

“Lil dik il-persuna ngħdilha illi fl-Ewropa jkunu deċiżi miżuri li jgħinu fl-integrazzjoni, li tfisser li l-immigranti ma jitpoġġewx f’ghetto, ilkoll f’lokalità waħda. Huwa fl-interess tiegħek li tivvota.”

Koppja pensjonanti li mhux qed ilaħħqu iżda mhux se jivvutaw għax il-PN ma jistax ibaxxi l-prezzijiet

‘Jiena lest niddefendi lill-pensjonanti u nagħmlu pressjoni biex tiżdied il-pensjoni.’

Koppja gay, li jridu jkunu jafu x’jaħseb dwar ir-relazzjoni tagħhom

“Jiena nixtieq nimbotta l-valuri Nsara, fosthom it-tolleranza. U allura nħoss li m’għandi ebda dritt nimponi fuq ħaddieħor dak li nħoss jien. L-imħabba nberkuha.”

Mara Nazzjonalista li tgħidlek ‘u inti mhux biex issir sinjur trid titla’, minħabba l-paga’

“Inti meta tordna inkwatru, ma tridx imitazzjoni. Jogħġbok artist. Jekk taf li kapaċi jpinġi inti se tkun lest tħallas u l-istess ħaġa l-MEPs. L-importanti mhux kemm tħallashom imma kemm qed ituk lura. Hemm min jixraqlu €100,000 mhux €8,000 kull xahar, hemm min lanqas jixraqlu l-ħobż li jiekol.”

U finalment allura min mill-kandidati tan-naħa l-oħra, tal-Partit Laburista jaħseb li huwa l-aħjar valur għall-flus?

Agius jieqaf għal ftit. Imbagħad iwieġeb; “naħseb Miriam hija rispettata fost is-Soċjalisti għalkemm il-kollegi kollha tal-PL għandhom żvantaġġ għax il-kredibbilità tagħhom hija mittiefsa minħabba dak li qed jiġri f’Malta.”

More in Politika