'Din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti' - Delia

Adrian Delia dalgħodu saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa l-vera partit li jemmen fl-Ewropa u li jrid lil Malta tifjorixxi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej mhijiex elezzjoni bejn il-partiti, iżda hija elezzjoni li se teleġġi r-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament Ewropew.

Delia qal dan waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li sar dalgħodu u li matulu ttieħed il-vot dwar il-Manifest Elettorali, b’Delia u kelliema oħra qablu, itennu dawk li l-PN qed jisħaq fuqu tul il-kampanja, jiġifieri li din l-elezzjoni mhux se tbiddel il-Gvern, iżda tista’ tbiddel id-direzzjoni li dan ħa.

Madanakollu, lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, Delia insista li l-Partit Nazzjonalista huwa verament il-partit tal-Unjoni Ewropea, il-partit li fi kliemu jrid itejjeb il-ħajja tan-nies u li l-ewwel u qabel kollox irid iġib lil Malta ‘l quddiem u mhux jużaha għall-iskopijiet tiegħu.

Kien dan li wassal lill-Kap Nazzjonalista biex f’appell imqanqal, iħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex ma jaqtgħux qalbhom waqt li stieden lill-Maltin biex jissieħbu “mal-partit tal-Ewropa.”

“Dan huwa l-partit tagħkom, huwa, l-partit ta’ Malta, li jemmen f’Malta, li jridha verament tifjorixxi,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.

Iffoka parti sostanzjali mid-diskors tiegħu biex jisħaq dwar kif il-Partit Nazzjonalista, anke jekk partit minn pajjiż żgħir, ma’ ħaddieħor jista’ jagħmel differenza anke fl-Ewropa, waqt li reġa’ tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-Ewropa.

"Għal Joseph Muscat, bħall-kunsilli lokali, lanqas l-Ewropa ma kienet is-super favorita tiegħu," kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-fatt, tul il-Kunsill Ġenerali ta’ dalgħodu, l-enfasi tal-Partit Nazzjonalista kienet dwar il-fatt li kien hu li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea, waqt li ntwerew filmati ta’ Eddie Fenech Adami u intervisti kemm ma’ Lawrence Gonzi u anke ma’ Simon Busuttil.

'Il-Partit Soċjalista fl-Ewropa ma jemminx fil-ħajja mill-bidu nett...il-PL iffirma l-istess manifest'

Tul id-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar diversi setturi u l-proposti li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq għalihom u l-punt prinċipali tad-diskors tiegħu kien li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddefendi l-ħajja fl-istadji kollha tagħha, mill-konċepiment sal-mewt, tema li rrefera kontinwament għaliha.

Il-Partit Nazzjonalista approva l-Manifest Elettorali tiegħu
Il-Partit Nazzjonalista approva l-Manifest Elettorali tiegħu

Fil-fatt beda billi insista li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jiddefendi l-ħajja mill-bidu nett.

“Il-Partit Soċjalista fl-Ewropa ma jemminx f’dan il-valur. Il-Partit Soċjalista Malti ffirma l-manifest tal-Partit Soċjalista Ewropew u allura kien qed jgħid ukoll li għandu jkun hemm id-dritt tal-għażla qabel id-dritt tal-ħajja,” insista Delia waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista jemmen bil-kontra, għax fi kliemu, anke t-tarbija fil-ġuf għandu jkollha d-dritt tal-għażla.

Minn hawn, Delia tkellem fuq diversi setturi, għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jiddefendi l-persuna tul il-ħajja kollha tagħha.

'Gvern li qed jimporta l-iskjavitù'

Tkellem fost oħrajn dwar l-edukazzjoni u waqt li insista li l-Gvern qiegħed jikkalpesta lill-għalliema, qal ukoll li mhux jirrikonoxxi l-problema tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni.

“Iserraħ rasu bil-kontejners fully-airconditioned...jaħseb biss għal-lum għax ma għandux pjan,” saħaq Delia.

L-istess għax-xogħol, kompla jgħid il-Kap Nazzjonalista. Fi kliemu, lill-ħaddiema jarahom biss bħala numru. “Allura jimporta l-iskjavitù, ħaddiema biex jaħdmu f’kundizzjonijiet inqas minn diċenti b’€400 fix-xahar,” qal Delia.

'Gvern li jiffavorrixxi biss lill-magħżula'

Kien hawn li insista wkoll li fejn jidħol in-negozju, il-Gvern jiffavorixxi l-kbar biss b’tenders ta’ miljuni mogħtija b’direct orders.

“Din hija prova ta’ kemm l-għajta tal-middle class kienet biss għajta partiġġjana,” qal Delia.

Tkellem ukoll dwar l-aħħar rapporti li kienu jirrigwardjaw lil Malta, fosthom dak tal-Greco u tal-Kummissjoni Ewropea, b’Delia jisħaq li dan huwa Gvern li ma jimpurtahx, għax filwaqt li qal li jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet, flok implimentahom, għażel hu sitt ġudikanti ġodda.

“F’sitt snin sar Gvern arroganti li ma jagħtix każ,” kompla Delia. “Lill-anzjani jgħidilhom li qed jgħixu wisq fit-tul, ma għandux rispett lejn il-ħajja, huwa Gvern li ma jimpurtahx. Tilef ir-ruħ soċjali, tilef l-identità tagħna għax aħna min-natura tagħna nagħtu każ lil xulxin.”

Enerġija: 'Dan is-settur il-Gvern ikkorompih, iżda aħna kapaċi nużawh'

Huwa u jitkellem dwar is-saħħa u l-enerġija, Delia qal li dawn iż-żewġ setturi kienu kkaraterizzati minn kuntratti moħbija.

“Ir-regħba u l-korruzzjoni anke fis-settur tas-saħħa. Mela allura huwa Gvern li qed jilgħab bil-ħajja,” kompla Delia. “Hawn min imur jiddejjen mingħand l-ispiżjar.”

Dalgħodu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN
Dalgħodu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN

Meta tkellem dwar l-ambjent, kien xi ftit jew wisq vag. Filwaqt li ġustament qal li Malta jmissha għandha l-aqwa arja, Delia insista li l-Partit Nazzjonalista jemmen li Malta tista’ tkun l-aqwa fl-Ewropa fis-settur ambjentali u l-ħolqien tal-enerġija, għax fi kliemu hija mżejna b’riżorsi bħax-xemx, ir-riħ u l-baħar.

“Dan is-settur, il-Gvern ikkorompih, iżda aħna kapaċi nużawh,” qal Delia iżda fl-ebda ħin ma semma kif jaħseb li Malta tista’ tagħmel użu minn dawn iż-riżorsi jew proposti u/jew proġetti li għandu f’moħħu.

Ikkritika wkoll dak li sejjaħ bħala ingann tal-Gvern għax saħaq, li fl-istess nifs li jgħid li jemmen fil-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, joħroġ il-policy l-ġdida dwar il-pompi tal-petrol ftit jiem biss wara li ġiet approvata pompa tal-petrol f’Burmarrad, ftit passi ‘l bogħod minn oħra.

“Qed jidħak bikom. Mhux vera jemmen f’dak li jgħid,” qal Delia.

'Ma rridux politika ta' mibegħda imma ta' tama'

Kif għamel bħall-kelliem ta’ qablu, tkellem dwar id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant ta’ “għajn għal għajn u sinna għal sinna,” u waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista se jitkellem fuq is-setturi kollha, saħaq li ma jridx politika ta’ mibegħda.

“Irridu politika ta’ tama, politika li temmen fiż-żgħażagħ li tħares ‘il quddiem u li tara fl-Ewropa opportunitajiet bla qies, is-salvagwardja tal-ħajja u ambjent aħjar,” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.     

'Delia b'saħħtu anke meta bilqiegħda mal-mexxejaj l-kbar tal-UE' - Manfred Weber

Il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Manfred Weber, faħħar il-mod ta’ kif fi kliemu Adrian Delia kapaċi jiddefendi l-interessi tal-Maltin u l-futur tal-Ewropa meta jkun bilqiegħda mal-mexxejja l-kbar tal-Unjoni Ewropea.

Weber kien il-mistieden speċjali tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Ġenerali u li matul id-diskors tiegħu ddeskriva lil Adrian Delia bħala mexxej b’saħħtu anke meta jkun qiegħed jiddiskuti ma’ mexxejja kbar, inkluż il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel waqt is-summits tal-partit popolari Ewropew.

Tul id-diskors tiegħu, huwa tkellem dwar il-prijoritajiet tal-Partit Popolari Ewropew u insista li vot lill-Partit Nazzjonalista, huwa vot għall-Partit Popolari Ewropew, l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew u għalhekk, fi kliemu, il-aktar partit li jista’ jħares l-interessi ta’ Malta.

Huwa faħħar il-ħidma tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, lil Francis Zammit Dimech għall-ħidma tiegħu favur il-pazjenti tal-kanċer, lil Roberta Metsola għal-liġi tagħha dwar it-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-Parlament Ewropew u lil David Casa għall-ħidma tiegħu favur kwistjonijiet soċjali.

Tkellem ukoll fuq il-prijoritajiet tiegħu u tal-Partit Popolari Ewropew, fosthom l-immigrazzjoni, l-ambjent u l-pazjenti tal-kanċer.

Dwar il-kanċer, insista, fost oħrajn, li jekk isir President tal-Kummissjoni Ewropea se jkun qed iniedi masterplan favur il-pazjenti tal-kanċer u dwar l-ambjent se jkun qed jaħdem biex l-użu tal-plastik li jintuża darba biss u jintrema jinqata’ darba għal dejjem madwar id-dinja kollha u biex jittieħdu miżuri prattiċi li jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Iffoka fuq l-immigrazzjoni, bil-President prospettiv tal-Kummissjoni Ewropea jisħaq li din mhijiex problema tal-pajjiżi tan-nofsinhar biss. “Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilità. Irridu li l-kontroll tal-fruntieri jkun f’idejna. L-istati għandhom jiddeċiedu minn dieħel u mhux it-traffikanti,” saħaq Weber.

Tkellem ukoll dwar il-valuri, b’Weber iwiegħed li se jipproteġi l-patrimonju Kristjani, għax fi kliemu, l-valuri li jsawru l-Kattoliċi għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea. “Ngħożżu l-valuri Kristjani u aħna kburin b’dan” insista Weber.                                                                                                                                                             

More in Politika