'Se naħdem biex inwaqqaf lil Joseph Muscat milli jieħu kariga fl-istituzzjonijiet Ewropej'

David Casa qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fl-Parlament David Casa, qal li huwa se jkun qed jaħdem fil-Parlament Ewropew biex Joseph Muscat ma jieħu l-ebda kariga fl-istituzzjonijiet Ewropej.

David Casa qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li matulu se jkun approvat il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

“Jekk hawn xi ħadd li qed jitħajjar għal xi kariga fl-istituzzjonijiet Ewropej, jekk inkun hemm fil-Parlament se naħdem biex ma jieħu l-ebda kariga,” saħaq Casa, b’referenza ċara għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Insista li l-Partit Nazzjonalista jrid Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej, iżda jrid Maltin li jemmnu fid-demokrazija, li ma jipproteġux lill-korrotti u li ma jużawx il-Pulizija biex jipproteġu lill-kriminali, kompla jisħaq l-Ewroparlamentari.

“Dan kollu ma jirrappreżenta xejn lil Joseph Muscat,” kompla jinsisti dwaru Casa.

Filwaqt li tkellem dwar diversi liġijiet li ħadem fuqhom matul l-aħħar snin, David Casa saħaq li hu se jibqa’ jaħdem biex jiġġieled il-korruzzjoni, se jibqa’ jinsisti biex issir magħrufa l-verità dwar il-kumpanija 17 Blacki u biex tinfetaħ investigazzjoni indipendenti fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika