'Il-PL jigdeb biex inessi li ħassar 16-il elezzjoni ta' Kumitati Amministrattivi' - PN

Il-PN jakkuża lill-Partit Laburista li qed jgħawweġ il-fatti biex jgħatti xturu

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Laburista qiegħed jigdew u jgħatti xturu li kien hu li ħassar l-elezzjonijiet lokali ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv kif ukoll ħassar l-elezzjonijiet lokali tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kien qed jirreferi għall-kummenti tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-President tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona, li dalgħodu saħqu li l-Partit Nazzjonalista ipprova jimmanuvra biex ma ssirx elezzjoni lokali fi 13-il lokalità f'Mejju li ġej u dan għax ħareġ kandidati daqs kemm għandu Kunsillieri bħalissa.

Madanakollu, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista giddeb lill-Partit Laburista u insista li kien hu li ħassar l-elezzjonijiet tal- Kumitati Amministrattivi ta’ Fleur-de-Lys f'Birkirkara, Santa Luċija f'Ta' Kerċem, Gwardamanġa f'Tal-Pietà, Paceville f'San Ġiljan, il-Kappara f'San Ġwann, il-Madliena fis-Swieqi, Marsalforn fiż-Żebbuġ, Bubaqra fiż-Żurrieq, ix-Xlendi fil-Munxar, Tal-Virtù fir-Rabat, Ħal Farruġ f'Ħal Luqa, St Peter's f'Ħaż-Żabbar, is-Swatar f'Birkirkara u l-Imsida, Burmarrad f'San Pawl il-Baħar, il-Baħrija fir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar.

“Lil dawn l-eluf ta' nies il-Partit Soċjalista mhux biss seta ċaħdilhom il-vot iżda fil-fatt ċaħdilhom il-vot b'liġijiet li għadda hu stess. Dan kontra l-Partit Nazzjonalista li ħolom, ħoloq u saħħaħ il-Kunsilli Lokali,” insistiet l-istqarrija.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista insista li llum għandu 197 kunsillier jirrapreżentawh fil-kunsilli ta' Malta u Għawdex u se jkun qed joħroġ kważi mitt kandidat aktar f'ismu għal din l-elezzjoni.

Mhux hekk biss, talli skont il-Partit Nazzjonalista, il- Partit Laburista ma ħariġx biżżejjed kandidati biex f'numru ta' lokalitajiet bħal Ħ'Attard, San Lawrenz, is-Swieqi, Ħal Balzan u oħrajn, l-elezzjoni se ssir biss l-ammont ta' kandidati li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista.

“Il-Partit Soċjalista qed juri li 25 sena wara għadu m'aċċettax il-proċess demokratiku tal-Kunsilli Lokali meta qed jibqa' jnaqqas b'mod sistematiku u bla konsultazzjoni r-responsabilitajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali biex jeħodhom f'idejn il-Gvern Ċentrali,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

More in Politika