Intervista | ‘Meta qam l-iskandlu ta’ John Dalli ma kissirniex isem Malta avolja stajna’

F’intervista mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jitkellem fuq l-aħħar żviluppi Ewropej, isem Malta f’għajnejn il-barranin u l-futur tal-Partit Laburista wara Joseph Muscat

Aaron Farrugia hu prattikament wieħed mill-uċuħ il-ġodda fil-kabinett Laburista hekk kif l-eks President tal-Forum Żgħażagħ Laburista kien ġie elett għall-ewwel darba fl-elezzjoni li għaddiet.

Minkejja dan, Farrugia għandu ’l fuq minn 18-il sena involviment fil-Partit Laburista, involviment li jmur lura għal żminijiet meta l-Partit Laburista kien fuq in-naħa l-oħra tal-kamra.

Din il-ġimgħa l-ILLUM iltaqgħet ma’ Farrugia, preżentement inkarigat bħala s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali.

Ma’ Farrugia tkellimna fuq diversi kwistjonijiet fosthom, dak li se tiret Malta minn Brexit u l-pakkett ta’ fondi Ewropej prospettiv, ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista, il-ġustizzja soċjali u fuq il-persuna li taf tieħu post Joseph Muscat.

Wara Brexit, Malta tista’ tibbenifika fis-settur tal-gaming

Bdejna biex nitħaddtu fuq Brexit, kwistjoni li ddominat l-aħbarijiet f’dan l-aħħar xahar. Għalhekk staqsejna lil Farrugia jekk hux possibbli li fid-dawl ta’ Brexit, Malta ‘tiret’ negozji attwalment ibbażati fir-Renju Unit u jekk dan huwa l-każ x’tip ta’ negozji?

Farrugia jibda biex jirrispondi u jgħid, “il-gaming huwa settur partikolari li Malta tista’ tibbenifika minnu wara Brexit. Diġà kien hemm kumpaniji ta’ dan it-tip li ressqu lejn Malta u fiż-żmien li ġej se jitħabbru oħrajn.”

Minkejja dan, is-Segretarju Parlamentari għamilha ċara li Malta mhix timmira biex kumpaniji enormi fir-Renju Unit jirrilokaw kompletament f’Malta, iżda li sservi bħala bażi ta’ kummerċ.

“L-għan tagħna mhuwiex li mmexxu kumpaniji kbar fit-totalità tagħhom lejn Malta. Ħafna kumpaniji li qabel ħasbu li jistgħu jiċċaqalqu, iddeċidew li jibqgħu fir-Renju Unit u allura se jkollhom bżonn pajjiż Ewropew biex huma jkunu jistgħu jiggwadanjaw mis-suq uniku u minn oqsma oħra,” spjega l-ekonomista.

U hawnhekk tidħol Malta hekk kif Farrugia spjega li attwalment dawn il-kumpaniji qed iħarsu lejn Malta bħala estensjoni tagħhom. “B’hekk ikunu jistgħu jgħaddu l-kummerċ minn Malta. Hawnhekk il-gżira tagħna tista’ tagħmel ħafna, jiġifieri apparti li għandna l-lingwa tgħinna ħafna, aħna pajjiż membru tal-Commonwealth u nipprattikaw liġi kważi identika għar-Renju Unit. Għalhekk b’dawn il-fatturi kollha għandna taħlita tajba sabiex Malta tkun il-post ideali,” saħaq Farrugia.

It-tir hu li jkun hemm pakkett ta’ fondi ffinalizzat fil-ħarifa

Tul dawn l-aħħar xhur il-pakkett finanzjarju ta’ fondi Ewropej għas-snin 2021-2027 kien f’nofs diversi diskussjonijiet. Uħud ikkritikaw il-fatt li dan se jkun anqas minn dak li kien irnexxielu jakkwista l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għal Malta. Din il-kritika hi valida? Meta se nkunu nafu kemm il-figura totali? U kif jiġi kkalkulat dan il-baġit?

Farrugia jibda biex jiżvela kif il-ħsieb tal-Gvern huwa li kollox ikun finalizzat sal-ħarifa li ġej, però  jammetti li “qed naraha naqra diffiċli.”

Dan għaliex skont is-Segretarju Parlamentari, għadu m’hemmx qbil fuq il-baġit finali. “Hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Ministri; dawk li jridu baġit ridott u oħrajn li jridu baġit iktar ambizzjuż. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew qed jitlob xi ħaġa li tmur ħafna iktar minn li hemm,” spjega Farrugia.

Apparti minn dan huwa qal li l-baġit li jmiss kellu jonqos minħabba prijoritajiet ġodda tal-UE kif ukoll minħabba Brexit. “Brexit se jħalli vojt ta’ €13-il biljun kull sena. Fl-istess waqt, il-prijoritajiet inbidlu, illum nitkellmu dwar difiża, sigurtà u immigrazzjoni. Seba’ snin ilu konna nitkellmu ftit dwarhom, dawn kollha se jwasslu sabiex il-baġit tal-UE jonqos.”

L-iktar ħaġa importanti hija li inti tkun f’pożizzjoni li mhux titkellem iżda tagħmel. Inutli tkun f’pożizzjoni fejn tħabbat fuq sidrek l-ideoloġija li kbirt fiha imma mbagħad il-poplu din ma jaċċettaha qatt

Hu jkompli jispjega kif il-Kummissjoni Ewropea għamlet il-proposta tagħha, li issa qiegħda quddiem il-kunsill tal-Ministri. Skont din il-proposta, il-baġit totali tal-UE bejn 2021-2027 se jkun 1.1% tad-dħul gross nazzjonali tal-pajjiżi kollha. Min-naħa l-oħra, il-Parlament Ewropew irid li jkun ta’ 1.3%. “Din tal-aħħar, “hi impossibbli”, jgħid Farrugia. “Taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jitla’ għal 1.3%.”

Apparti minn hekk skontu, il-mira tal-ħarifa jaf tkun diffiċli li tintlaħaq anke minħabba l-elezzjonijiet li ġejjin. “Dalwaqt se jkollna PE ġdid hekk kif issa jmiss li jiġu eletti s-750 deputat. Fl-istess waqt għaddejjin diversi elezzjonijiet nazzjonali madwar l-Ewropa li jafu jbiddlu l-Gvern, allura membri fil-KE ġodda. Madanakollu, nibqa’ nittamma li fil-ħarifa jkollna qbil fil-prinċipju għalkemm id-deċiżjoni aħħarija hi tal-kapijiet tal-istati.

‘Mhuwiex argument ta’ negozjar... kollox jiddependi fuq in-numri’

Mistoqsi jekk hux possibbli li ninnegozjaw l-istess pakkett bħal dak ta’ żmien Gonzi, Farrugia kien pront biex jispjega li n-numri jħollu u jorbtu kollox.

“Dan mhuwiex argument fuq kemm aħna kapaċi ninnegozjaw pakkett. Kollox jiddependi min-numri. Hemm formola li tissejjaħ il-Berlin Method, din tikkalkula l-fondi skont il-GDP tal-pajjiż inkiwstjoni. Fil-GDP ta’ Malta rajna qabża enormi,” saħaq Farrugia.

Farrugia joħloq paragun bejn is-sitwazzjoni ekonomika taħt Gonzi u dik preżenti.

“Meta Gonzi nnegozja l-pakkett ta’ fondi fl-2013 il-prodott domestiku gross tagħna kien 70% tal-medja tal-UE. Illum dan riesaq lejn id-90%. Allura skont il-Berlin Method huwa ovvja li l-Kummissjoni se tipproponi pakkett anqas,” spjega Farrugia.

Imma din ġusta? In-numri jagħmlu ġustizzja għall-bżonn ta’ diversi proġetti pendenti madwar il-gżira?

Fuq din Farrugia kien pront biex jgħid, dan huwa propju l-argument tagħhom fin-negozjati fl-isfera Ewropea.

“Il-qabża rapida li għamlet Malta fl-aħħar snin huwa l-argument tagħna quddiem il-KE bl-għan li jkollna qbil ġust. Jiena nista’ ngħid li se nġib pakkett daqs li ġab Lawrenz Gonzi, iżda biex nagħmlu dan irridu nieħdu l-ekonomija lura bħalma kienet fl-2012.”

“F’dak il-każ, irridu naraw kif nagħmlu biex il-GDP inġibuh 70% tal-medja Ewropea u l-qgħad intellgħuh 7.1% jew 7.5.%. Din ma tagħmilx sens”, jirrimarka Farrugia, “il-poplu Malti żgur li mhux se jaċċettaha.”

Żied jgħid li , “il-viżjoni tagħna hi li nkunu aktar sinjuri. Allura l-poplu Malti aħna nistaqsuh, inti xi trid tkun mal-foqra u tieħu aktar fondi jew mas-sinjuri u tant għandek flus u livell ta’ ħajja illi int qed tgħin pajjiżi oħra?”tenna jistaqsi s-Segretarju Parlamentari.

‘L-Ewropa federali mhix tinbiegħ’

Kemm-il darba ġiet diskussa l-ħolma ta’ Macron, dik ta’ Ewropea Federali jiġifieri, li kull pajjiż membru stat tal-UE jsir magħqud f’pajjiż wieħed akbar b’qafas legali u regolatorju identiku. Fuq din x’jaħseb Farrugia?

“Dak li qed jgħid jagħmel sens. F’dinja globali, jekk il-pajjiżi Ewropej ma jingħaqdux flimkien u nikkompetu ma’ kontinent oħra bħal mhuma ċ-Ċina u l-Indja li llum huma qed jikbru b’rati fenomenali ma nistgħux nikkompetu,” sostna Farrugia.

Hu żied jgħid li, “dan fuq il-karta jagħmel sens u ma tistax tmerih. Il-problema hi li dak li qed jgħid Macron mhux jinbiegħ u allura mhux qed jikkonvinċi. Qabel ma ntambru fuq Ewropa Federali, fejn kull pajjiż isir qisu kunsill lokali għandna, fil-verità mmorru lura għall-fundamenti tal-proġett Ewropew u nħarsu lejn il-pedamenti,” saħaq Farrugia.

‘Meta qam l-iskandlu ta’ John Dalli ma kissirniex isem Malta avolja stajna’

Naqilbu daqsxejn is-suġġett u nistaqsi dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li wara l-qtil Daphne Caruana Galizia  tista’ tgħid għaddiet minn ġol-ħama għal ġot-tajn. X’jaħseb Farrugia? Nistgħu nerġgħu nirkupraw il-fama tagħna għall-bajjiet sbieħ u x-xemx tiżreġ u mhux għall-malizzja?

“Iva, jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Jien nifhem il-partiti politiċi li jieħdu atteġjamenti partiġġjani. Nifhem li xi darba dan jixtieq li jkun fil-Gvern u għalhekk juża kull mezz possibbli biex idgħajjef il-partit fil-Gvern u jżid iċ-ċansijiet tiegħu, dik nifhimha. Jien kbirt fil-politika. Li jdejjaqni hu li ssir ħsara lill-pajjiż, u mhux lill-partit,” saħaq Farrugia.

“Biex inġibu l-istess fondi li ġab Gonzi, irridu naraw kif nagħmlu biex il-GDP inġibuh 70% tal-medja Ewropew u l-qgħad intellgħuh 7.5%”

Hu jkompli jgħid kif snin qabel, dakinhar fl-oppożizzjoni, il-PL kellu opportunità biex jagħmel propju dan. “Meta konna fl-oppożizzjoni u kien hemm il-każ ta’ John Dalli aħna stajna faċilment nagħmlu l-istess. Kien hemm minn ħasibha, però wieħed dejjem irid iġib l-interess tal-pajjiż, jekk inti qed taħseb li f’temp ta’ 10 snin tkun fil-Gvern, dik il-ħsara li għamilt se terġa’ tiġi għal wiċċek bħal boomerang,” sostna Farrugia.

Apparti l-fatt li finalment huwa tal-opinjoni li dan kien Gvern li attwa diversi bidliet fir-rigward tal-governanza. “Mill-2013 daħħalna diversi bidliet relatati ma’ governanza. Anke r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja li se noħduh fit-totalità tiegħu.

‘Ersaqna lejn iċ-ċentru biex nattwaw is-soċjaliżmu’

Nerġgħu naqliblu daqsxejn id-diskors. Din id-darba nitkellmu fuq is-soċjaliżmu tan-‘New Labour’. Nistaqsih jekk jaħsibx li l-PL tilef ruħu f’dawn l-aħħar snin.

Hu jirrispondi u jgħid, “le, l-iktar ħaġa importanti hija li inti tkun f’pożizzjoni li mhux titkellem, iżda tagħmel. Inutli tkun f’pożizzjoni fejn tħabbat fuq sidrek l-ideoloġija li kbirt fiha imma mbagħad il-poplu din ma jaċċettaha qatt.”

Żied jisħaq li, “jien xi ħaġa li ġibdtini lejn Joseph Muscat fl-2008 kienet illi ngħidu l-partit irid jimxi lejn iċ-ċentru tal-ispettru politiku għaliex hemmhekk tirbaħ l-elezzjonijiet. Issa ovvjament, tirbaħ l-elezzjoni biex imbagħad inti tattwa l-manifest tiegħek. Irnexxielna nagħqdu lill-pajjiż u nibnu koalizzjoni. Din hi xi ħaġa li l-PN għadu ma fehemhiex u għalhekk għadu ma rkuprax mit-telfa tal-2013.”

“Jekk tara l-manifest, imbagħad tinduna li dan huwa manifest ta’ partit progressiv, soċjal-demokratiku . Jiġifieri jekk tħares lejn il-qasam soċjali l-istess bqajna, id-drittijiet ċivili erġajna konna aħna l-pijunieri. Biex twettaqhom trid toħloq il-ġid u l-ġid irnexxielna noħolquh billi ersaqna lejn iċ-ċentru.”

Jixtieq li jara mara bħala l-mexxejja tal-Partit Laburista?

Fl-aħħar nett naqbdu s-suġġett li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jintesifika f’dan il-pajjiż, il-prospett ta’ mexxej il-ġdid tal-PL.

X’jaħseb Farrugia? Il-partit lest għal mexxej mara?

Huwa jgħid li, “il-Partit Laburista huwa l-partit li mexxa tant drittijiet u kien l-unika wieħed li poġġa nisa f’pożizzjonijiet għoljin għax emmen fihom, mhux biss bħala att simboliku, allura għalfejn le?” temm jgħid Aaron Farrugia mal-gazzetta ILLUM.

More in Politika