Intervista | ‘Nixtieq Air Malta Maltija li żżid il-ħaddiema u żżid ir-rotot’

Fl-ewwel intervista tiegħu mal-gazzetta ILLUM kemm ilu Ministru tat-Turiżmu, Konrad Mizzi jitkellem dwar l-Air Malta, is-suċċess, kif wasal is-suċċess, il-futur u l-ħaddiema. L-ILLUM tistaqsih ukoll dwar it-turiżmu, Buġibba, Paceville u l-proġett tal-art tal-Corinthia...

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi

Ftit ġimgħat ilu l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar illi l-linja nazzjonali tal-ajru għamlet l-ewwel profitt fi snin twal u (naturalment) ma’ din it-tħabbira ħarġu l-kliem tal-awgurju kif ukoll kliem ta’ dubju u kritika.

Ġranet wara, din il-gazzetta tmur fil-Ministeru tat-Turiżmu fi Triq ir-Repubblika u tintervista lil Mizzi dwar il-linja tal-ajru nazzjonali, il-futur tagħha, is-sostenibilità tal-profitt li sar kif ukoll dwar it-turiżmu u jekk l-infrastruttura tal-pajjiż tistax tlaħħaq.

Nibdew b’mistoqsija ħafifa dwar il-Ministeru, peress li din hija l-ewwel intervista li l-gazzetta ILLUM qed tagħmel miegħu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Jippreferi l-portafoll tat-Turiżmu?

“Onestament, dan is-settur jogħġobni għaliex l-isfidi li joffri huma nazzjonali u allura se jaffettwa lil kulħadd għax mit-turiżmu jiekol kulħadd,” sostna Mizzi.

Il-linja nazzjonali tal-ajru tagħmel dak li ma jagħmlux il-low cost

Induru mill-ewwel fuq l-Airmalta. Profitt wara snin twal: x’ġara issa li ma kienx qed jiġri qabel?

Il-Ministru Mizzi jsemmi r-rabtiet tiegħu permezz ta’ missieru mal-linja nazzjonali, imbagħad jibda jirrispondi l-mistoqsija. “L-elementi prinċipali kienu l-ftehim kollettiv mal-unjins kollha u li saru biex ikun hemm aktar produttività mill-ħaddiema.” Hawnhekk hu jsemmi kif qabel, bl-istess kirja, ajruplan kien itir għal madwar sitt sigħat kuljum, mentri llum qed itir bejn 13 u 14-il siegħa kuljum fix-xitwa u bejn 15 u 16-il siegħa fis-sajf.

“Qabel konna ntiru inqas sigħat u naturalment kien hemm limitazzjonijiet ta’ kemm itiru l-ħaddiema tal-ajruplani.”  

Minn hawn, Konrad Mizzi jispjega lill-gazzetta ILLUM illi t-tieni raġuni li wasslet għall-profitti fl-Air Malta kien l-ippużizzjunar kruċjali tal-linja nazzjonali. “Hawn min jistaqsi, imma kif se nikkompetu mal-low cost airlines?” jistaqsi rettorikament.

“Jiena nemmen fil-bżonn tal-linji tal-ajru ‘low cost’. Biss biss, ir-Ryanair għandu 61 rotta, fosthom minn Amman u ħafna postijiet oħra. Imma l-linja tal-ajru nazzjonali għandna bżonn biex immorru ajruporti prinċipali fl-Ewropa, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, għax hi topera minn dawn l-ajruporti mhux il-linji ‘low cost’,” ifakkar Konrad Mizzi.

Huwa jgħid li apparti dan, il-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qed toffri ‘business class’, xi ħaġa li l-‘low cost’ ma jistgħux joffru.

Żammejna l-istess mudell u ffrankajna l-flus

 “Kellna rotot ġodda li ftaħna, fil-fatt għamilna tkabbir ta’ 21 rotta fosthom Kiev, Tunis u Tel Aviv, kollha postijiet sbieħ,” ifakkar qabel jgħid li issa “irridu nibdew noħolmu li noperaw rotot ’il bogħod, qed inħarsu lejn Mumbaj, fl-Indja. Jekk naħdmuha tajjeb din ir-rotta jkollha impatt tajjeb fuq l-industrija, in-negozju u anke t-turiżmu,” jirromarka l-Ministru.

Mistoqsi minn din il-gazzetta fiex wasal ix-xogħol fir-rigward ta’ din ir-rotta, huwa jgħid illi saru diskussjonijiet mal-awtoritajiet Indjani ta’ Mumbaj, “u konna qed naraw x’tip ta’ ajruplani għandna bżonn. Jiena stess staqsjet jekk għandniex bżonn ajruplani kbar (white-bodied aircrafts).”

“Iddeċidejna li nżommu l-istess tip ta’ flotta, Airbus 320... għalkemm qed inħarsu lejn A320 NeoExtended. Dan huwa l-istess mudell u allura nistgħu nużaw l-istess inġiniera, l-istess piloti u l-istess spare parts. U allura kieku ġibna ajruplani oħrajn kienu jogħlew l-ispejjeż.”

Hu jispjega illi l-A320 NeoExtended huwa ftit iktar tawwali u allura jesa’ aktar nies.

Huwa sostna li ma setax jieħu it-tip ta’ sogru li kien ikun fiha l-għażla ta’ ajruplani kbar.

Ir-rotta ta’ Tel Aviv qed tagħmel ħafna flus

L-ILLUM staqsiet lil Mizzi kif jintgħażlu ċerti destinazzjonijiet. Pereżempju semma Tel Aviv u Tunis, dawn qed jagħmlu profitti?

“Hemm tliet tipi ta’ rotot,” jibda jirrispondi, “dawk ir-rotot li jagħmlu ħafna flus, bħal Heathrow, Gatwick, Pariġi, Amsterdam u Moska. Imbagħad hemm rotot li la qed jagħmlu flus u lanqas jitilfu, imbagħad hemm dawk li qed jitilfu ftit flus.” Imma Mizzi mhuwiex inkwetat fuq tal-aħħar u jfakkar illi rotta ġdida xi kultant iddum sentejn jew tliet snin, sakemm tindara.

“Kellna sorpriżi però. Ir-rotta ta’ Tel Aviv qed tagħmel ħafna flus,” jgħid.

Imma dawn il-postijiet qed jintgħażlu bħala destinazzjoni jew inkella bħala post minn fejn persuna taqbad titjitra oħra?

Huwa jgħid illi hemm ivvjaġġar li jgħaqqad pajjiż ma’ ieħor u jagħti eżempju ta’ Malta li qed isservi ta’ waqfa għal nies li mill-Iżrael sejrin il-Marokk. “15% ta’ dawk li jitilqu minn Tel Aviv lejn Malta, jibqgħu sejrin il-Marokk,” jgħid il-Ministru.

Il-Qatar se ġġib magħha aktar turisti Asjatiċi u Awstraljani

Imma l-Ajruport ta’ Malta għandu biżżejjed infrastruttura biex ikun hub bħall-Ajruport Ataturk ta’ Istanbul, imma fuq skala iżgħar?

Mizzi jfakkar illi meta qed nitkellmu dwar ‘hub’ mhux qed nitkellmu biss dwar l-Air Malta iżda ajruplani u rotot oħrajn li qed jieqfu Malta, fosthom it-Turkish Airlines, l-Etihad kif ukoll, ifakkar, minn Ġunju se jibda jkun hawn titjira kuljum minn Malta permezz tal-Qatar Airways.

“Permezz tal-Qatar se nkunu qed nattiraw ħafna turisti Asjatiċi u Awstraljani,” jgħid Mizzi li jfakkar illi kull ajrupjan tal-Qatar Airlines jiflaħ 180 passiġġier.

Dwar l-infrastruttura jfakkar illi l-Gvern qed jaħdem fuq Masterplan, li permezz tiegħu l-ajruport se jikber fuq in-naħa tal-kafetterija popolari fis-sala tat-tluq, kif ukoll għadda biċċa art ħdejn il-binjiet tal-armata biex jinħoloq aktar spazju ta’ parkeġġ għall-ajruplani.

“Il-ġimgħa l-oħra ħabbarna tibdil fis-sistema tal-IT. Għandna l-kobor, għandna infrastruttura daqs l-ajruport ta’ Gatwick,” jgħidilna mingħajr żgur ma stennejna.

‘Malli tlajna għal 10 ajruplani ma stajniex inkampaw’

Nistaqsih dwar ilmenti li rċeviet din il-gazzetta dwar żieda fil-kanċellazzjonijiet. Mizzi jammetti li kien hemm din il-problema u jispjega illi “malli tlajna għal 10 ajruplani ma stajniex inkampaw, f’termini ta’ nies. Dan wassal biex kellna bosta ħaddiema jirrappurtaw ‘għejja’ u allura ma setgħux jiġu x-xogħol.” Jgħid illi dan wassal għal ftit tibdiliet għalkemm qal illi sal-aħħar tas-sena l-kwistjonijiet kollha operazzjonali se jkunu solvuti.

Ifakkar ukoll illi bħal kull linja tal-ajru oħra l-Air Malta jkollha numru żgħir ta’ kanċellazzjonijiet minħabba li jkun hemm ftit wisq passiġġieri fuq titjira.

 

Se nagħlqu fuq is-suġġett tal-Air Malta u nistaqsih, anke fid-dawl tal-kritika mill-Partit Nazzjonalista, kemm huwa sostenibbli l-profitt li qed tagħmel din il-kumpanija.

“Il-profitti nistgħu nsostnuhom, imma rridu naraw jekk irridux nikbru wkoll u biex nikbru rridu l-kapital.” Huwa jgħid illi għal kapital għandek bżonn jew Gvern li jagħti l-kapital hu jew inkella li l-Air Malta jkollha sieħeb strateġiku.

Mizzi mill-ewwel jitfa’ fil-ġenb it-tieni possibilità u jġib eżempju b’kumpanija li fl-aħħar ġranet kienet lesta li tixtri l-Air Malta, iżid bil-kundizzjoni li ttir fuq 12-il rotta, dawk ir-rotot li qed jagħmlu l-flus.

“Jiena stajt għamilt dan kieku ridt u konna nagħmlu profitt ta’ €25 miljun. Imma dak mhux l-iskop tal-Air Malta. L-Air Malta trid tagħti servizz lill-pajjiż.”

Mizzi sostna li dak li qed jgħid hu ma jfissirx li l-Air Malta ma jkollhiex sieħeb minoritarju, “imma jiena nixtieq Air Malta Maltija li qed tikber u żżid il-ħaddiema u żżid id-dipartimenti u żżid ir-rotot, lil hinn minn dak li sar s’issa,” jgħid Mizzi.

Il-Ministru tat-Turiżmu jgħid illi t-tfittxija ta’ sieħeb minoritarju għall-Air Malta “mhix qiegħda fuq il-mejda.”

‘It-turisti żdiedu imma trid tara fejn marru’

Indur fuq it-turiżmu. Bħalissa din l-industrija għaddejja minn tkabbir, bis-sena l-oħra tkun sena rekord. Il-proġezzjonijiet għal din is-sena x’inhuma? U kemm se nibqgħu nżidu? Se nilħqu ‘saturation point’ u allura t-turiżmu ma jibqax jiżdied?

“Aħna rridu nżidu l-aktar fix-xhur batuti tax-xitwa, ix-xhur magħrufin bħala ‘shoulder months’ u li jkopru minn Novembru sa Marzu. F’dawn ix-xhur aħna kellna żieda ta’ 6% u matul din ix-xitwa l-MIA ġarret żewġ miljun persuna,” ifakkar Mizzi.

Nirrimarkalu li lukandiera li tkellmu ma’ din il-gazzetta u anke kumpaniji fornituri qalu illi din ix-xitwa kien hemm tnaqqis aktar drammatiku meta kkumparat mas-snin ta’ qabel. X’ġara?

Mizzi mill-ewwel jilqa’ billi jfakkar illi t-turisti żdiedu mhux naqsu, b’6%. “Issa rridu naraw fejn marru. Kellek il-lukandi ta’ tlieta u erba’ stilel sa fejn naf jiena marru tajjeb u l-lukandi ta’ ħames stilel marru tajjeb ukoll, imma numru ta’ turisti qed ifittxu alternattivi.”

Ifakkar illi bil-ftuħ ta’ numru ta’ boutique hotels, numru ta’ turisti li jiġu hawn fuq negozju qed jippreferu joqogħdu fihom. Fakkar ukoll fil-kunċett il-ġdid, li qed jaqbad ħafna, jiġifieri l-kiri ta’ appartamenti bħala akkomodazzjoni għall-vaganza, dan l-aktar permezz tal-kunċett tal-Airbnb.

“Turist forsi jipprova joqgħod f’appartament, komdu u sabiħ u forsi jiffranka ftit flus ukoll. Dan fenomenu li ma nistgħux inwaqqfuh,” jinsisti l-Ministru. “Aħna rridu taħlita tat-tnejn.”

Infakkru illi l-akbar problema tal-lukandiera hija nuqqas ta’ regolarizzazzjoni tal-Airbnb, mhux l-Airbnb innifsu. “Qed naħdmu biex l-operaturi jirregolarizzaw ruħhom, fil-fatt qed naħsbu f’inċentiv tat-taxxa biex dan isir.”

Ifakkar illi dan ma jfissirx tnaqqis fin-numru ta’ nies li jużaw l-Airbnb u qal illi biex ikun ikkumpensat it-tnaqqis, il-Gvern irid jaħdem biex jattira aktar turiżmu tal-konferenzi.

U minn April se jkollna aktar tisħiħ minħabba żieda ta’ rotot minn u lejn Malta.

Imma l-infrastruttura tagħna tiflaħ?

Finalment induru fuq l-infrastruttura. Tajjeb li qed jiġu aktar turisti, imma l-infrastruttura qed tlaħħaq? Tiflaħ għal din iż-żieda kollha? Postijiet bħall-Buġibba u l-Qawra qed joffru l-prodott li bħala pajjiż nixtiequ?

“M’hemmx dubju (li l-prodott ta’ Buġibba u l-Qawra mhux tajjeb). Irridu nassiguraw li f’San Pawl il-Baħar nibdew l-investiment billi nibdew b’sistema ġdida ta’ drenaġġ.” Imma beda dan ix-xogħol? “Il-Korporazzjoni tal-Ilma qed jagħmlu l-każ tagħhom quddiem l-UE għal aktar fondi.” Għal mument jaqbeż fuq Paceville u dawk in-naħiet u jgħid kif il-Gvern se jiżvela proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ €10 miljuni li jibda minn Spinola u jibqa’ sejjer fl-inħawi kollha ta’ Paceville.”

Dwar Paceville, għal ħin qasir semmejna l-Gentlemen’s Clubs b’Mizzi jgħid illi jekk nixtiequ ngħollu l-livell hemm bżonn li jitnaqqsu t-tlajjar ta’ nies u anke t-tip ta’ sinjali li jintużaw ma’ dawn il-ħwienet.

“Irridu naraw li ntejbu l-prodott tagħna, fosthom għandna pjan għall-Imsida, The Istrand, Marsaxlokk u Birżebbuġa. Wara mbagħad nibdew San Pawl il-Baħar, fejn irridu nibdew naħdmu fuq infrastruttura li ma tidhrix.”

Nagħlqu bil-problema ta’ ħmieġ madwar il-pajjiż. Nirrimarkalu illi fil-pajjiż għandna problema ta’ ħmieġ li jintefa’ madwar il-pajjiż kollu.

Mizzi sostna li hemm kordinament sħiħ bejn il-Ministeri u li x-xogħol qed isir mill-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi “li qed tagħmel ħafna xogħol.”

‘Il-Gvern ma jridx jagħmel pressjoni dwar il-valutazzjoni tal-art tal-Corinthia’

Qabel nagħlqu nistaqsih fuq kontroversja li dwarha komplew ħerġin diversi aħbarijiet din il-ġimgħa. Bħalissa għaddejja l-valutazzjoni tal-art, xi ħaġa li ġabet ħafna kritika għaliex bosta sostnew li l-prezz tal-art kien wisq ftit, meta tikkunsidra d-daqs u l-pożizzjoni tagħha.

Mizzi jfakkar illi l-ħidma fuq il-Corinthia bdiet fl-2014 b’Memorandum of Understabding ikun iffirmat fl-2015. “Ladarba qbilna fil-Kabinett fuq il-prinċipju, bdejna mmexxu u kellna l-ewwel reazzjonijiet għall-ewwel abbozz. Issa qed nipprovaw nindirizzaw il-problemi,” jgħid Mizzi li jispjega kif issa l-iżviluppatur mhux se jkun jista’ jagħmel riklamazzjoni tal-art, li l-kosta se tibqa’ tal-pubbliku kif ukoll se jitnaqqas il-fattur ta’ real estate.”

Mistoqsi dwar il-valur tal-art Mizzi, jispjega li l-Gvern qabbad kumpanija privata li qed tagħmel il-valutar hi, indipendentement mill-Gvern u malli tkun lesta din tmur bil-valutazzjoni u l-proċess jerġa’ jibda miexi minn hemmhekk.

U meta se jkun lest dan il-valutar?

“Il-Gvern ma jixtieqx jagħmel pressjoni, meta jlestu r-rapport jagħtuhulna u mmexxu,” sostna Mizzi mal-ILLUM.

More in Politika