'Nistgħu negħlbu l-korruzzjoni jekk naċċettaw li Malta mifnija biha'

Reżistenza Malta jgħidu li r-risposta għall-omertà hija l-verità u jistaqsu għalfejn l-ebda politiku ma kien interrogat dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Reażitenza Malta jgħidu li l-verità hija -risposta għall-omertà
Reażitenza Malta jgħidu li l-verità hija -risposta għall-omertà

"L-istituzzjonijiet Maltin jinsabu għarkopptejhom, mifnija minn taħlita ta’ inkompetenza, kollużjoni u kompliċità. Ħadd ma għadu jagħti rendikont ta’ għemilu. Wara kollox, ġaladarba ninsabu fl-aqwa żmien, x’nuqqasijiet jista’ jkun hemm?" Hekk staqsew, rettorikament, il-grupp Reżistenza Malta fi stqarrija li ħarġu iktar kmieni llum.

Il-Grupp sostna li fl-2016 seħħew affarijiet li skonthom "aċċelleraw it-triq qerrieda tal-korruzzjoni u omertà." Isemmu r-riżenja ta' Manfred Galdes mill-FIAU u jsostnu li malli Galdes irriżenja, warajh ħareġ bil-leave tal-mard l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar. 

"Pajjiż serju ma jħallix tali episodji għaddejja qisu xejn mhu xejn. Jeħtieġ li pajjiżna jitfa’ dawl fuq din il-paġna sewda tal-ħajja tal-istituzzjonijiet pubbliċi Maltin. Il-verità jafha kulħadd: minflok prevaliet il-ġustizzja, prevala d-dlam. Il-Pulizija ma qdietx dmirha, irrifjutat li tieħu passi kriminali kontra politiċi u persuni f’karigi pubbliċi għolja li kienu abbużaw kriminalment mill-fiduċja fdata lilhom mill-poplu," sostnew Reżistenza Malta. 

Huma qalu illi mhux aċċettabbli li l-ebda politiku ma kien investigat fuq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u sostnew illi huwa intuli "jingħad lilna li din hi investigazzjoni kkumplikata ħafna. Il-Pulizja ta’ pajjiżi oħra identifikaw il-mandanti ta’ omiċidji simili. Għaliex f’Malta le? Għaliex ħadd ma jerfa’ responsabbilità għal dan? Il-verità hi li m’hemmx rieda li l-verità tant skomda tkun stabbilita pubblikament".

"Bħalma fl-Italja għal għexieren ta’ snin kien jingħad li “La Mafia non esiste” u kien biss meta s-soċjetà Taljana rrikonoxxiet l-eżistenza tal-mafja li tali fenomenu kriminali beda jkun miġġieled bis-serjetà, f’Malta nistgħu nibdew negħlbu l-korruzzjoni biss meta nirrikonoxxu li Malta hi mifnija bil-korruzzjoni u li bosta fostna ma jaraw xejn ħażin f’dan il-fenomenu, anzi jaraw li l-korruzzjoni hi parti essenzjali tal-kultura Maltija u tikkontribwixxi għall-prosperità ekonomika tagħna"

Ninsabu determinati li nsibu l-verità kollha, li naraw li min ixxaħħam jieħu l-piena li ħaqqu u li min għalkemm bil-liġi kellu l-obbligu li jwaqqaf tali abbużi naqas milli jagħmel dan jagħti kont ta’ għemilu. M’aħniex ser naqtgħu qalbna. Fi kliem Don Luigi Ciotti: “L’omertà uccide. La verità è la speranza”.

 

More in Politika