'Ma nistax nikkritika lill-Gvern jekk nagħmel agħar minnu' - Deputat PN

F'dikors fil-Parlament id-Deputat Ivan Bartolo jgħid li min huwa ħażin u korrott għandu 'jittajjar mix-xena politika'

Meta kien qed jitkellem fil-ħin tal-Aġġornament id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, f'diskors xi ftit jew wisq kriptiku imma sod, sostna illi min jagħmel agħar mill-Gvern ma jistax jikkritika lill-Gvern u li min għandu elementi korrotti ma jistax jikkritika lill-Gvern dwar il-korruzzjoni. "Il-politiku korrott jiżra' r-riħ ... min hu korrott qisu liebes ġlekk u ingravata imma huwa magħmul miċ-ċomb," sostna Bartolo.

"Qegħdin fi stat tal-biki," kompla jgħid filwaqt li qal illi l-unika tama hija illi min hu ħażin "jittajjar mix-xena". 

Hu sostna li l-imġieba ta' kull persuna f'partit tkun qed tirrifletti fuq il-partit. "Kull persuna f'partit għandha tnissel fiduċja", jgħid Bartolo u allura jinsisti li jekk persuna tagħmel jew tgħid xi ħaġa ħażina, din tkun qed tirrfletti fuq il-partit. 

Huwa elenka lista ta' atti pożittivi minn politiku u sostna li meta l-iskop tiegħek huwa li ma tħalli lil ħadd bil-ġuħ u xi ħadd jitfgħek fl-istess keffa ma' xi ħadd li jġib lilu nnifsu b'mod ħażin, "toffendi lilek innifsek." 

"Dar mibnija fuq ir-ramel ma tibqax f'postha meta jiġi l-kurrent," sostna Bartolo li qal ukoll illi jekk "jiena qed inħammeġ lil sħabi, jiena nieħu l-ġenb. Biex ma nkunx il-kawża ta' dan l-attakk fuq dan il-borġ ġebel"

Bartolo, ma kienx aċċetta, flimkien ma' bosta oħrajn, li jċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu, sabiex ikun jista' jidħol minfloku Adrian Delia.

Dan id-diskors kien mistenni f'bosta ċrieki Nazzjonalisti tant li huwa mifhum li kien qed idur messaġġ biex id-diskors ta' Bartolo jkun segwit.

More in Politika