'Il-politika tal-Gvern li jżid il-popolazzjoni qed twassal għal impjiegi b'pagi baxxi' - PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għal statistika tal-Eurostat u jisħaq kif filwaqt li l-prezz tal-ikel qed jogħla, l-pagi tal-Maltin qed jibqgħu baxxi

“Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin raw l-inqas żieda fil-pagi tagħhom fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u dan meta l-prezzijiet tal-ikel u l-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu,” dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista wara statistika tal-Eurostat li ġiet ippubblikata llum

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, Karl Gouder, saħaq li l-politika tal-Gvern li jżid il-popolazzjoni bla pjan qed twassal biex iċ-cheap labour jgħolli rasu u bil-klassi medja mhux qed ilaħħqu aktar mal-għoli tal-ħajja minkejja li jaħdmu.

“L-istatistika tal- Eurostat li ġiet ippubblikata llum turi li f'Malta kien hawn l-inqas żieda fil-pagi u s-salarji fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-pagi f'Malta huma inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Din mhux l-ewwel darba li pajjiżna rreġistra tnaqqis fil-pagi u s-salarji,” saħaq Gouder.

Huwa kompla jispjega kif filwaqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jaraw il-paga tagħhom bilkemm tiżdied, fi kliemu, il-kassi medja qed taffaċja żidiet sostanzjali u kostanti fl-għoli tal-ħajja.

“Il-Partit Nazzjonalista issa ilu jisħaq dwar il-bżonn ta' pjan fit-tul sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tal-familji, ħaddiema u l-anzjani li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni tagħhom,” saħaq Gouder

Temm jinsisti li l-Partit Nazzjonalista se jibqa' jiġġieled il-korruzzjoni li, fi kliemu, kull sena qed tiġi tiswa aktar minn €725 miljun. “Kieku nihom nistgħu ngħinu lil min mhux qed ilaħħaq mal-ispejjeż u l-għoli tal-ħajja.”

More in Politika