Filmat | Emerġenza abbord il-bastiment Alan Kurdi ... mara tqila evakwata mill-Forzi Armati

Din hija t-tieni mara li ġiet evakwata mill-awtoritajiet Maltin wara li dan il-bastiment ilu tmint ijiem bejn sema u ilma

Mara oħra kellha tiġi evakwata mill-Forzi Armati ta’ Malta minn fuq il-bastiment Alan Kurdi li ilu tmint ijiem bejn sema u ilma jistenna soluzzjoni politika biex jingħata port sigur.

Abbordi dan il-bastiment hemm 62 immigrant, fosthom tfal żgħar u 17-il membru tal-ekwipaġġ.

Jidher li kmieni matul il-lejl li għadda, mara tqila kellha attakk ta’ epilessjia u għalhekk l-ekwipaġġ talbu l-għajnuna tal-awtoritajiet Maltin.

Fi stqarrja, l-NGO Sea-Eye, saħqet l-awtoritajiet Maltin wieġbu mill-ewwel għal din is-sejħa u kif għamlu jumejn ilu, ħarġu wkoll għal din il-mara f’qasir żmien.

Madanakollu, tkompli l-istqarrija, is-sitwazzjoni abbord dan il-bastiment mistennija tmur għall-agħar fil-jiem li ġejjin.

“Dawn il-persuni il-ħin kollu qed jiġu jistaqsuna kemm se jdumu abbord il-vapur u għalfejn dan id-dewmien. Ħafna qed jibżgħu mill-maltemp. Ħafna minnhom il-baħar qed jagħmlilhom id-deni,” saħqet l-NGO waqt li fakkret li dan il-persuni diġà għaddew minn ħafna tbatija biex waslu sa hawn.

More in Politika