Intervista | Kieku llum nikkampanja favur l-Unjoni Ewropea iżda xorta hemm riservi

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-President il-ġdid George Vella. Titkellem miegħu dwar dak li jixtieq iwettaq f’dawn il-ħames snin, il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, kwistjonijiet morali, il-poteri tal-President, il-Partnership u l-immigrazzjoni

Ftit sigħat wara li ħa l-ġurament bħala l-għaxar President ta’ Malta, il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda ma’ George Vella u tkellmet miegħu dwar dak li se jkun qed jaħdem fuqu. Il-President il-ġdid mill-ewwel jinsisti li mhux se jkun passiv iżda se jitkellem u jiġbed l-attenzjoni kull meta jkun hemm bżonn.

“Biex noqgħod naqta’ ż-żigarelli u daqshekk kont nippreferi nibqa’ kwiet id-dar. Hemm sfidi u objettivi li l-pajjiż jeħtieġ li jilħaq… Jiena se nipprova, fiċ-ċirkostanzi li jkun hemm, nagħmel dak li nista’,” insista l-President.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca se tibqa’ mfakkra għal xogħolha fil-qasam soċjali. Staqsejna lill-President il-ġdid x’jaħseb li se tkun il-karatteristika li se tiddistingwi l-Presidenza tiegħu.

“Jien dejjem emmint fil-kontinwità… mill-banda l-oħra, kif għamilt aċċenn fid-diskors, irid naħdem ukoll favur l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sitwazzjoni tal-pensjonanti u l-għaqda nazzjonali,” saħaq Vella.

Kien hawn li tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar serenità u sigurtà fil-pajjiż u insista b’mod partikolari fuq il-prosperità, bil-President ma jomgħodx il-kliem u jinsisti li mhux kulħadd qed igawdi mill-ġid li qed joħloq il-pajjiż.

“Dawn is-sentimenti soċjali li qed nitkellem fuqhom tħosshom, għax jien għomri kollu nitkellem man-nies u hekk beħsiebni nibqa’ nagħmel. Kemm jista’ jkun se nżomm Presidenza siekta. Mhux se nagħmel meetings jew nikkritika pubblikament imma se nitkellem u niġbed l-attenzjoni ta’ min suppost jisma’, kompla l-President.”

‘Se nitkellem u niġbed l-attenzjoni…’

Iżda staqsejna lill-President kemm iħossu komdu li jiġbed l-attenzjoni ta’ dak il-Gvern li sa ftit xhur ilu kien għadu ministru tiegħu, b’Vella jfakkar li Coleiro Preca saret President meta kienet għadha ministru.

“Bħalma ta’ qabli kellhom il-kapaċità li jiddistingwu lilhom infushom mill-partit li kienu ġejjin minnu, nittama li anke jiena nkun kapaċi nagħmel hekk,” insista l-President.

Kien hawn li saħaq li bħala President iħoss li għandu dmir li jitkellem u jiġbed l-attenzjoni. “Jekk ikolli ilmenti mingħand il-pensjonanti li fl-opinjoni tiegħi huma ġġustifikati, jien se nipprova, li bil-kuntatti u bil-kelma t-tajba, nimbotta lill-awtoritajiet biex jirrimedjaw.

‘Għandi nitkellem jekk nara l-pajjiż jitgħarraq taħt il-bini’

Staqsejna lill-President jekk għandux xi proġett f’moħħu u jixtieq li jwettaq matul il-ħames snin li ġejjin. Filwaqt li saħaq li għadu kmieni wisq, anke għax il-proġetti jkunu frott diskussjonijiet li l-President ikollu, bħala tabib ma naqasx milli jsemmi s-settur tas-saħħa. “Nagħtu ħafna attenzjoni lill-onkoloġija u l-kanċer iżda hemm kundizzjonijiet oħra li mhux jingħataw biżżejjed attenzjoni.”

L-istess fejn jidħol l-ambjent. Fi kliem Vella, il-President għandu jitkellem u juri t-tħassib tiegħu jekk jara li l-pajjiż “jitkisser u jitgħarraq taħt il-bini.”

Semma wkoll l-edukazzjoni u insista li bħala President għandu jassigura li  tingħata edukazzjoni ħolistika liż-żgħażagħ biex jaħtfu l-opportunitajiet kollha li se jkollhom quddiemhom fil-futur.

‘President mhux eżekuttiv ma jfissirx li joqgħod f’bozza’

“Iżda mbilli titkellem biss? M’intix President eżekuttiv,” staqsejna lill-President Vella. “President mhux eżekuttiv ma jfissirx li hu President ġo bozza li jaqta’ ż-żigarella jew jagħmel timbru fuq liġi,” weġibna.

Kien hawn li fakkar kif għalkemm il-kostituzzjoni hija vaga ħafna meta titkellem dwar l-irwol tal-President tar-Repubblika, matul iż-żmien il-President sar mhux biss il-ħarries tal-kostituzzjoni, imma anke serva ta’ kumpass morali.

“Il-kostituzzjoni titkellem li għandu jkun hemm laqgħat regolari bejn il-President u l-Prim Ministru u l-President u l-Kap tal-Oppożizzjoni,” kompla jinsisti l-President waqt li indika li se juża dawn il-laqgħat biex jiddibatti u jiġbed l-attenzjoni.

Kien hawn li l-kliem waqa’ fuq il-liġijiet, li wara li jgħaddu mill-Parlament ikun għad fadlilhom il-firma tal-President. Coleiro Preca kienet ipproponiet li l-President jingħata s-setgħa li jkun jista’ jerġa’ jibgħat liġi lura l-Parlament. X’jaħseb dwar dan?

George Vella saħaq li filwaqt li jaqbel mal-ħsieb li wassal lil Coleiro Preca biex tagħmel din il-proposta, jiġifieri li l-President għandu jitkellem jekk jara li l-affarijiet sejrin f’direzzjoni li mhux togħġbu, mill-banda l-oħra insista li ma jaqbilx li l-President jaqbeż il-poter tal-Parlament.

“Jekk il-Parlament ikun għamel id-dibattitu tiegħu, ikun għamel l-affarijiet kif suppost jagħmilhom, iddiskuta u ddeċieda, il-President ma jistax jibgħat liġi lura,” insista Vella waqt li fakkar li dan hu xogħol il-Qorti Kostituzzjonali.

Madanakollu, saħaq li dan bl-ebda mod mhu jżommu milli jitkellem jew jiġbed l-attenzjoni fejn iħoss li hemm bżonn. “Il-President mhux se jimponi…iżda jiena għandu jkolli s-saħħa li nitkellem f’isem il-poplu.”

Kien hawn li l-President insista li aktar milli jibgħat liġi lura quddiem il-Parlament, iħoss li tista’ ssir aktar influwenza waqt li qed issir liġi jew għaddej dibattitu dwarha, kif fil-fatt għamlet Coleiro Preca meta l-Parlament kien qed jiddiskuti l-liġi l-ġdida tal-IVF.

Jekk quddiemi tiġi liġi dwar l-abort jien ma niffirmahiex u l-uniku triq tiegħi tkun li nirriżenja

“X’se jitlef il-President jekk jistieden żewġ Membri Parlamentari biex jitkellem u jiddiskuti magħhom ta’ żewġ kollegi u ċittadini biex flimkien jaqsmu l-ideat?”, staqsa Vella.

U jekk quddiemu tiġi l-liġi dwar l-abort? X’se jagħmel?

U x’jagħmel George Vella jekk quddiemu tiġi liġi li magħha assolutament ma jaqbilx? Vella saħaq li sakemm liġi ma tkunx tinkludi kwistjoni morali, il-President, anke jekk ma jkunx jaqbel kompletament, ma għandux ma jiffirmax

Iżda jekk quddiemu għandu liġi morali, bħal pereżempju liġi li tippermetti l-abort? “Jekk quddiemi tiġi liġi dwar l-abort jien ma niffirmahiex u l-uniku triq tiegħi tkun li nirriżenja,” dlonk wieġeb il-President. Mistoqsi jekk jasalx jagħmilha, Vella insista: “Bla dubju!”

Ġaladarba tkellimna dwar l-abort, staqsejna wkoll lill-President Vella jekk almenu jaqbilx li jkun hawn diskussjoni u dibattitu dwar dan is-suġġett.

“U żgur li għandu jkun hemm dibattitu. Jiena nemmen ħafna li għandna nagħmlu kampanja edukattiva qawwija fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva maż-żgħażagħ… Jien ma għandi xejn kontra miżuri li wieħed bihom jilqa’. Kulħadd jifhem il-problemi psikoloġiċi li jgħaddu minnhom dawk li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni. Imma l-abort mhix soluzzjoni,” insista l-President.

Kompla jisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li fi kliemu jaħsbu ħafna fl-Ewropa, is-saħħa sesswali u riproduttiva ma tfissirx li wieħed għandu jkollu d-dritt li joqtol tarbija.

“L-abort huwa purament qtil… jekk se tillegalizza l-abort qed tillegalizza l-qtil… Iżda biex teduka trid tiddibatti,” tenna l-President.

Tkellimna dwar il-fatt li l-partiti politiċi kollha fil-Parlament iddikjaraw ruħhom kontra l-abort, iżda l-President donnu mhux jeskludi l-possibbilità li matul it-terminu tiegħu jkun iffaċċjat b’deċiżjoni dwar l-abort.

“Ma tistax tgħid. Il-pressjoni li hemm minn din l-Ewropa hekk imsejħa liberali hija kbira,” weġibna Vella. Waqt li spjega li l-Unjoni Ewropea ma tistax timponi fuq Malta, fi kliem Vella, jista’ jitqanqal “moviment,” imbuttat minn interessi, fosthom ta’ flus, minn entitajiet barranin.

‘Li tkun ugwali tajjeb iżda mhux l-istess’

Jekk liġi dwar l-abort tidher li għadha ‘l bogħod, huwa kważi ċert li l-President George Vella se jkollu quddiemu għall-approvazzjoni liġi dar il-maternità surrogata li għal aktar minn darba, il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma mal-ILLUM li qed jaħdem fuqha.

Oriġinarjament, il-maternità surrogata kienet parti mill-abbozz ta’ liġi li kien ressaq il-Gvern biex jemenda l-liġi tal-IVF u li George Vella kien iddeskriva bħala “travestija kompleta tal-etika, il-moralità u d-dinjità umana.” Allura din il-liġi jiffirmaha? 

“Din hija xi ħaġa totalment differenti,” qal il-President Vella waqt li insista li l-Gvern poġġa din il-liġi fuq l-ixkaffa u allura ma jħossx li għandu jkun hu li jqajjem dibattitu fuqha. “Hawn ma hawnx kwistjoni ta’ qtil. Jekk xejn qed taġevola biex ikun hemm il-ħajja.”

Madanakollu, filwaqt li ma qalx jekk jiffirmax, insista li gvern ma jistax jagħmel liġi li tkun tapplika għal kulħadd.

“Li tkun ugwali tajjeb iżda mhux l-istess,” insista Vella. “Meta jinqala’ d-dibattitu ejja niddiskutu. Jiena naqbel ma’ dibattitu serju u infurmat. Dwar din ma hemmx kwistjonijiet morali, hija kwistjoni kkumplikata ħafna… imma mhijiex kwistjoni bħall-abort fejn tgħid le u daqshekk… hemm fejn wieħed jiddibatti.”

‘Irrid li r-riforma kostituzzjonali tkun miftuħa għal kulħadd’

Qlibna d-diskors u tkellimna dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, li bħala President, George Vella se jkun qiegħed imexxi.

Staqsejnieh jekk kellux laqgħat ma’ Coleiro Preca li bdiet tmexxi l-kumitat li qiegħed iħejji għal din ir-riforma u meta se nkunu qed naraw l-ewwel riżultati. Il-President wieġeb li r-riforma Kostituzzjonali għadha fl-ewwel fażi tagħha, tant li fi kliemu, dan il-kumitat għadu sempliċiment qed jiġbor il-materjal.

Nemmen li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni kienet matura ħafna. Issa f’idi biex inpatti lura għal dik il-fiduċja

Tkellimna dwar it-tħassib ta’ attivisti mis-soċjetà ċivili li ma qablux li l-President għandu jmexxi dan il-kumitat. Filwaqt li saħaq li hu jaf bit-tħassib tal-attivisti, insista li se jkun qed jassigura li dan il-proċess ma jkunx illimitat għall-politiċi.

“Jiena rrid li dan ikun miftuħ kemm jista’ jkun. NGOs, soċjetà ċivili, akkademiċi,  individwi u kull min għandu x’joffru huwa milqugħ… Il-President mhux se jiddeċiedi hu. Se jiddeċiedu l-forzi pubbliċi,” saħaq il-President.

Kien hawn li l-President appella biex ir-riforma Kostituzzjonali ma ssirx bl-għaġla. “F’affarijiet bħal dawn trid tħaffef, iżda trid tkun prudenti u kawt ħafna,” insista Vella. “Trid tara li dan il-proċess jingħata l-ħin u l-ispazju kollu biex fl-aħħar, il-prodott finali jkun aċċettat minn kulħadd.”

‘Ma għoġbitnix l-idea li ma mmexxix il-Konvenzjoni Kostituzzjonali’

Staqsejna lill-President il-ġdid jekk hux minnu li qabel aċċetta l-Presidenza ried ikun ċert li jkun hu li jmexxi r-riforma u dan wara li f’intervista mal-MaltaToday, Coleiro Preca kienet qalet li tinsab f’diskussjonijiet mal-Prim Ministru biex tibqa’ tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

“Nitkellem id-dritt. Jiena dik ma għoġbitnix. Kelli d-dritt kollu li ngħid li ġaladarba l-President huwa l-ħarries tal-Kostituzzjoni allura għandu jmexxiha l-President attwali,” wieġeb Vella.

Madanakollu insista li hu ma daħalx fiha u kien il-Prim Ministru li tkellem mal-President Coleiro Preca. “Qbilna li hi tieħu f’idha l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u anke l-President’s Trust iżda fuq din il-kwistjoni jiena qatt ma ddiskutejt magħha,” kompla Vella. “Vera bdietha hi, iżda kulħadd jibda xi ħaġa u jkompliha ta’ warajh.”

‘Jiena mhux President tal-Maltin Kattoliċi biss’

Marbuta ma’ din ir-riforma, semmejna xi punti lill-President u staqsejnih x’jaħseb dwarhom. L-ewwelnett, jaqbel li t-titneħħa r-referenza tar-reliġjon Kattolika bħala t-twemmin tal-istat? Il-President la wieġeb iva u lanqas le. Wieġeb biss li ma jixtieqx ikun kategoriku fuq kwistjonijiet bħal dawn.

“Trid tara x’inhuma l-opinjonijiet tal-maġġoranza u forsi raġunijiet varji li jien ma nkunx qiegħed narahom,” spjega. “Tinsiex li llum, is-soċjetà tagħna, hija magħmula minn nies ta’ twemmin differenti u oħrajn li ma jemmnux. Jiena tlabt lill-Arċisqof biex għall-quddiesa jkun hemm preżenza ta’ mexxejja oħra reliġjużi. Jiena mhux President tal-Maltin Kattoliċi biss.”

‘Kont aktar seren meta sirt naf li l-Oppożizzjoni se jappoġjawni’

U jaqbel ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja, jiġifieri li l-President jingħata aktar poteri biex ma jibqax jaġixxi dejjem fuq il-pariri tal-Prim Ministru? L-ewwel nett Vella fakkar li l-Gvern di[à qal li jaqbel ma’ ħafna mir-rakkomandazzjonijiet u li wħud minnhom diġà bdew jiġu indirizzati waqt li wera x-xewqa li l-awtoritajiet ma jkaxkrux saqajhom f’dan ir-rigward.

Madanakollu fakkar li jekk il-President se jingħata aktar poter, dan se jkollu jiġbed aktar l-appoġġ popolari. “Allura se naslu li nibdew neleġġu l-President?” staqsa Vella.

Mill-banda l-oħra, saħaq li huwa jaqbel li l-President ikun elett jew ikun jista’ jitneħħa b’maġġoranza kkwalifikata tal-Parlament.

“Qabel aċċettajt mija fil-mija, ridt indikazzjoni li se jkun hemm kunsens min-naħa l-oħra u li almenu se nġib żewġ terzi tal-Parlament. Wara kont ħafna aktar seren,” saħaq Vella.

Filwaqt li jaqbel ma’ din il-proposta, wissa wkoll dwar il-periklu li biex jintlaħqu ż-żewġ terzi, jispiċċa jintgħażel xi ħadd meta jkun hemm aktar nies kompetenti minnu.

“Hemm bżonn nimmaturaw... Nemmen li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni kienet matura ħafna. Issa f’idi biex inpatti lura għal dik il-fiduċja.”

‘Ma jiddispjaċinix xejn li kkampanjajt favur il-Partnership’

Mal-President Vella ma stajniex ma nitkellmux dwar il-passat politiku tiegħu, fosthom dwar il-fatt li fi żmien il-Gvern ta’ Alfred Sant, kien il-ministru responsabbli mill-iffriżar tal-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u anke kkampanja favur il-Partnership. Illum kif iħares lejn l-Unjoni Ewropea?

Il-President Vella saħaq li ma jiddejjaqx jgħid li eventwalment ċertu biżgħat li kellu l-Partit Laburista seħħew, iżda min-naħa l-oħra ġew opportunitajiet ġodda għal Malta.

Mistoqsi jekk dan ifissirx li l-Oppożizzjoni Laburista ma kinitx qed tara l-istampa kollha, George Vella wieġeb fin-negattiv u insista li għall-kuntarju tal-Gvern li kien ikkampanja aktar fuq il-ħolma Ewropea, l-Oppożizzjoni, b’Alfred Sant li kien aktar tekniku, analizzat kull settur.

‘Anke meta dħalna fl-ewro. Skont Alfred Sant u jiena naħseb naqbel miegħu, stajna dħalna fi żmien differenti, għax il-valur tal-lira mal-ewro kien ikun aħjar f’ċertu żmien,” saħaq George Vella. “Fl-2008, Lawrence Gonzi tbażwar biex żamm l-ekonomija miexja… ma ninsewx li kellu x’jaqsam l-ewro wkoll.”

Ma jiddispjaċini xejn li kkampanjajt favur il-Partnership

Madanakollu insista li jekk ipoġġi kollox fuq il-miżien, ma jiddejjaqx jgħid li l-bilanċ kien wieħed pożittiv u faħħar il-ħidma tal-gvernijiet li fi kliemu dejjem utilizzaw l-opportunitajiet li ġabet l-Unjoni Ewropea.

“Il-politika tinbidel. Jiena niftakar nies bħal Tony Blair li kkampanja kontra u sar l-aktar bniedem favur l-Unjoni Ewropea li kien hemm fl-Ewropa,” kompla jinsisti.

Allura staqsjenieh jekk dan ifissirx li jiddispjaċih li kien ikkampanja favur il-Partnership iżda hu kien skjett u wieġeb: “Ma jiddispjaċini xejn.” Għall-kuntrarju ta’ dak li kien qallu Guido de Marco, Vella insista li ma nħeliex żmien.

“Min se jistudja dak iż-żmien se jara li tajna l-massimu tad-dibattiti fuq il-midja u fl-aħħar rebħet ir-rieda tal-poplu. Id-dibattiti li għamilna, kienu kollha validi fuq iż-żewġ naħat… Stajna għamilna xi ħaġa differenti. Stajna għidna: ‘Naqblu iżda għandna dawn ir-riservi’.”

Mistoqsi kif jikkampanja kieku r-referendum kellu jsir illum, George Vella wieġeb li jikkampanja favur iżda xorta jibqa’ jitkellem fuq riservi, fosthom minħabba l-kwistjoni tal-federaliżmu.

“Jekk isseħħ l-armonizzazzjoni tat-taxxa, l-ekonomija Maltija ma tiħux gost. L-istess l-immigrazzjoni. Kieku konna waħedna xorta kien ikollna l-problema tal-immigrazzjoni, iżda ma konniex inkunu marbuta bir-regolamenti ta’ Dublin u oħrajn,” saħaq il-President huwa jispjega dawn ir-riservi. “Mill-banda l-oħra tajna ħafna opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna u nfetħu ħafna t-toroq għan-negozju.”

Kien hawn li Vella saħaq li bi Brexit Malta se titlef alleat u kien għalhekk li appella lill-pajjiż biex iżomm saqajh mal-art u jżomm għajnejh miftuħa. “Bħal kull ħaġa oħra għandha l-pożittiv u n-negattiv tagħha.”

L-esperjenza tal-President fil-politika internazzjonali…

Vella serva għal aktar minn darba bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin. Staqsejnieh kif bħala President se juża din l-esperjenza li kiseb fil-politika internazzjonali.

Wieġeb li f’dawn is-snin kiseb ħafna kuntatti u fi kliemu dan żgur se jżommhom fil-but biex jużahom għall-ġid tal-pajjiż kull fejn ikun hemm bżonn.

“L-ewwel u qabel kollox irid ikollna l-istabbilità, is-sigurtà u l-paċi interna biex inkunu kredibbli meta nitkellmu ma’ pajjiżi oħra,” saħaq Vella. “Minn hemm inkunu nistgħu nkomplu ntambru fuq l-irwol kruċjali ta’ Malta fil-Mediterran, fuq ir-relazzjoni tagħna mal-Afrika ta’ Fuq u anke nenfasizzaw li rridu niftħu għajnejna għal dak li se jkun il-kontinent Afrikan fil-futur, kontinent li dejjem qed jiżviluppa, bit-tajjeb u l-isfidi li se jġib miegħu.”

Kompla jisħaq li hemm problemi oħra, inkluż dawk fil-Lvant Nofsani u oħrajn u li fi kliemu Malta tista’ titkellem fuqhom b’ċertu awtorità għax għall-kuntrarju ta’ pajjiżi b’ekonomiji kbar, ma għandhiex interessi.

‘Tkellimt u se nibqa’ nitkellem fuq il-kummerċ tal-armamenti’

U dwar l-immigrazzjoni, kif jista’ juża din l-esperjenza tiegħu?

Il-kliem reġa’ waqa’ fuq l-Afrika, bil-President jisħaq li dan il-kontinent mhuwiex it-theddida li ħafna jassoċjawha miegħu. “Jekk dan il-kontinent jiżviluppa, dan se jkun magna ekonomika kbira,” saħaq Vella.

Apparti l-Afrika, fejn għandek immigrazzjoni minħabba l-faqar, il-President fakkar li hemm immigrazzjoni li ġejja minn pajjiżi oħra mifnija bil-gwerer.

“Jiena din l-aktar li tinkwetani għax qed inġibuha aħna b’idejna bil-kummerċ tal-armamenti. Qed inrewħu l-ġlied… Ħares lejn dak li ġara fil-Jemen, f’Bengażi u fis-Sirja. L-għajnuna umanitarja ma tasalx, imma l-armamenti u l-bombi jaslu… L-ammont enormi ta’ armamenti joħloq ukoll is-saħħa ta’ gruppi para-militari u terroristiċi,” temm jisħaq il-President Vella li ddikjara li tkellem u beħsiebu jibqa’ jitkellem dwar dan.

More in Politika