'L-aħbarijiet foloz jiddistabilizzaw id-demokrazija'

“L-agħar ħaġa li tista’ tiġi f’demokrazija hi li jkollok strutturi dipendenti fuq l-eżekuttiv, fejn il-gvernijiet jiddeċiedu x’inhi l-verità' - Zammit Dimech

“L-aħbarijiet foloz, jew aħjar il-fake news, jiddistabbilizzaw id-demokrazija. Hemm bżonn li nsaħħu l-ġlieda tagħna, u anke l-prekawzjonijiet kontra l-fake news, għaliex id-demokrazija tiddependi fuq li n-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Meta d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq informazzjoni żbaljata, imbagħad, ovvjament, dawk l-istess deċiżjonijiet jiġu attakkati, speċjalment meta dawn l-aħbarijiet qarrieqa jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan fil-Parlament Ewropew waqt skambju ta’ ideat mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fake news.

Zammit Dimech qal li hemm bżonn ta’ strutturi indipendenti fl-Istati Membri li jissalvagwardjaw liċ-ċittadini mill-fake news. Hu żied jgħid, “L-agħar ħaġa li tista’ tiġi f’demokrazija hi li jkollok strutturi dipendenti fuq l-eżekuttiv, fejn il-gvernijiet jiddeċiedu x’inhi l-verità. Kultant il-Gvernijiet ma tantx ikunu innoċenti, speċjalment meta jkunu huma li jxerrdu l-fake news.”

Waqt li kien qed jirreferi għall-prattiċi użati fl-Istati Uniti, Zammit Dimech tkellem dwar l-importanza ta’ fact checkers li jkunu indipendenti. Fid-diskors tiegħu waqt il-Kumitat responsabbli mill-Media, Zammit Dimech irrefera wkoll għall-ktieb ta’ Evan David “Post-Truth”. Hu qal li d-diskussjoni dwar il-fake news trid tkun marbuta wkoll mal-użu ħażin tad-data personali. “Aħna kollha għandna l-preġudizzji, u għalhekk jekk ikun hemm nies li qed jiċċekkjaw il-profili tal-midja soċjali, u jkunu jafu dwar xiex aħna preġudikati, kif ġara fil-każ tal-Cambridge Analytica, imbagħad l-fake news ikun qed jixxerred mhux biss fil-midja tradizzjonali, imma anke fuq livell personali. Imbagħad is-sitwazzjoni tkun verament gravi.”

Aktar kmieni dan ix-xahar, Zammit Dimech kellu laqgħat ma’ Facebook fejn iddiskuta l-bżonn li l-ġganti tal-midja soċjali jsaħħu l-miżuri tagħhom kontra l-fake news, wara li personalitajiet Maltin intużaw mingħajr il-kunsens tagħhom biex ixerrdu fake news permezz ta’ reklami mħallsa, fejn bdew jinkoraġġixxu lill-Maltin u Għawdxi li jużaw Facebook biex jidħlu f’siti u artikli li kienu frodi. Għaddew ġimgħat biex dawn ir-reklami tneħħew. “Riċentement, kelli laqgħat ma’ Google u Facebook, fejn qajjimt il-punt fejn ikunu l-pjattaformi li jieħdu l-miżuri, iżda l-impressjoni li għandi hi li dan qed idum ħafna biex isir, meta jsir. Għandna bżonn miżuri aktar malajr biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni,” temm jgħid.

Fit-tweġiba tiegħu, Roberto Viola, d-Direttur Ġenerali ta’ DG CONNECT (Id-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija) fil-Kummissjoni Ewropea qal li l-mudell tan-negozju m’għandux ikun ibbażat fuq l-irresponsabbiltà. Hu tkellem ukoll dwar il-bżonn li jidħlu fis-seħħ liġijiet li approva l-Parlament, fosthom id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, u r-Regolament il-ġdid dwar ir-relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-pjattaformi u n-negozji, li Zammit Dimech kien ir-Rapporter dwaru fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Viola qal ukoll li l-Kummissjoni mhux tiffinanzja b’mod dirett il-fact checkers, imma qed tipprovdihom ambjent fejn jistgħu jaħdmu flimkien u jaqsmu l-informazzjoni. Aktar minn hekk, dawn ingħataw ukoll aċċess għal informazzjoni mill-Parlament u l-Kummissjoni. Dwar il-ġurnaliżmu ta’ kwalità, Viola qal li l-Kummissjon i qed timplimenta miżuri li tressqu mill-Parlament. Hu rrefera għall-programm Creative Europe li qed jinvesti €80 miljun f’ġurnaliżmu u midja ta’ kwalità.

Zammit Dimech, li jagħti lekċers fuq il-Liġi Ewropea tal-Midja, hu membru tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, li hu responsabbli mill-midja. Hu serva bħala r-Rapporter tal-Grupp tal-PPE fir-rapport dwar il-Libertà tal-Midja u l-Pluraliżmu, kif ukoll il-liġi dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers. Zammit Dimech ressaq ukoll emendi biex isaħħaħ regolament li jindirizza t-tixrid tal-kontenut terroristiku online.

More in Politika