Filmat | L-ILLUM tiltaqa' mal-President ftit sigħat qabel jieħu l-ġurament

George Vella. Kemm kien ilu jaf li se jsir President? Dam ma aċċetta? Għalfejn? L-età tinkwetah? Il-familja x'qalulu? Fejn se joqgħod? L-ILLUM tistaqsi lill-President innominat

George Vella  | President tar-Repubblika ta' Malta
George Vella | President tar-Repubblika ta' Malta

It-tabib George Vella. Illum jieħu l-ġurament bħala l-għaxar President ta’ Malta. L-ILLUM iżżur id-dar tal-President il-ġdid u tistaqsih kemm ilu jaf li l-Gvern kien se jinnominah biex ikun is-suċċessur ta’ Marie-Louise Coleiro Preca.

Jidher li l-Prim Ministru kien ilu jgħidlu li jixtieq jarah President ta’ Malta, iżda fi kliemu qatt ma għamilha fatta, għalkemm kull tant żmien kien ikun hemm min iżerżaqlu xi kelma jew inkella jfakkru.

“Diffiċli tispjega kif immaturat. L-ewwel titlaq minn “assolutament le” u mbagħad ftit ftit tibda ċ-ċedi,” saħaq il-President innominat. “Nista’ nassigurak li sa ftit ġimgħat qabel ħabbarha, ma kontx għadni deċiż 100%. Hija deċiżjoni pjuttost iebsa.”

Mistoqsi kif iħossu llum, issa li dalwaqt jibda uffiċjalment it-terminu tiegħu, Dr Vella insista li huwa onorat ħafna.

“Huwa unur kbir għalija. Tibda tistaqsi għalfejn qed jinsistu. Fl-aħħar mill-aħħar tkun ċedejt,” kompla jispjegalna.

Għalfejn dam jaħsibha ħafna?

Staqsejnih għalfejn dam jaħsibha daqshekk u ma aċċettax mill-ewwel, bil-President jisħaq minnufih li kellu l-biża’ li ma jilħaqx l-aspettattivi li ħafna għandhom tiegħu.

“Apparti minn hekk, tħares lejn dawk li ġej qabel. Kollha ħallew it-timbru tagħhom u tibda tistaqsi jekk inti hux se tkun kapaċi tagħmel dan. Mhux se nċekken lili nnifsi imma jkun hemm dik il-biża’,” kompla jgħidilna l-President innominat.

...u l-età tinkwetah?

Kien hemm minn staqsa għalfejn il-Gvern ma għażilx lil xi ħadd li huwa iżgħar fl-età u jekk iħassbux il-fatt li se jkun qed isir President ta’ 76 sena.

“Mhux se ndur mal-lewża,” kompla Vella waqt li spjega mal-ILLUM li din ukoll kienet kwistjoni li kienet qed iżżommu lura milli jaċċetta mill-ewwel u dan minkejja li ħafna kienu qed jisħqu miegħu li l-età ma tagħmilx differenza, għax kif jgħid il-Malti: Fejn iridek isibek.

“Nixtieq li kont iżgħar,” kompla jgħidilna bi tbissima. “Imma fiżikament inħossni tajjeb, moħħi nħossu qisni għadni wieħed ta’ 16-il sena. Imbagħad x’se jiġri għada l-Bambin biss jaf.”

Il-mara u l-familja qablu mill-ewwel?

Tkellimna wkoll dwar il-mara u l-familja tiegħu u kif ħadu din id-deċiżjoni tiegħu, bil-President innominat jgħid li kienu jafu li kien hemm din il-possibbilità, anke għax xi kultant kien hemm min għaddhielu l-messaġġ bis-saħħa tagħhom.

“Jafu l-piż li ġġorr din il-kariga. Imma jaraw ukoll l-aspett ċerimonjali. Kulħadd jieħu gost jgħid li missieru sar il-President ta’ Malta. Anke l-mara. Jiġifieri dak li jaħsbu huma trid tikkunsidrah imma ma tridx tagħtih daqshekk piż li jiddeterminak,” kompla l-President.

Fil-fatt, kompla jispjega magħna, huwa konxju tal-fatt li ċ-ċerimonji u l-pompa malajr jgħaddu u mbagħad trid tmidd għonqok għax-xogħol u tlesti għal dak li se ssib ma wiċċek, għax fi kliemu, xogħol il-President ma tistax tbassru.

“Dan filli ma għandek x’tagħmel xejn u filli għandek inċident, kriżi kostituzzjonali jew politika. J’Alla ma tkunx hemm imma trid tkun ippreparat,” qalilna l-President.

U fejn se joqgħod? San Anton jew id-dar?

Fl-aħħarnett, staqsejna lill-President innominat jekk hux se jmur jgħix San Anton jew inkella hux se jkun qed jibqa’ fid-dar tiegħu fiż-Żejtun.

Vella insista li kemm hu u kemm martu, id-dar iħobbuha ħafna u ma għandhom l-ebda intenzjoni li jitilquha għal kollox.

“Issa mbagħad naraw jekk ix-xogħol, iċ-ċirkostanzi u l-appuntamenti jkunx ifisser li nagħmlu żmien hawn u żmien San Anton,” qalilna l-President. “Żgur li mhux se nippakjaw u nitilqu imma.”

Il-President George Vella se jkun qed iwieġeb aktar mistoqsijiet, nhar il-Ħadd 7 ta’ April fuq il-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd ILLUM.

More in Politika