May se tiltaqa' ma' Corbyn bil-għan li jaqblu dwar pjan komuni għal Brexit

Wara li ma setgħetx twettaq Brexit bl-appoġġ tad-Deputati tagħha, May iddur fuq l-Oppożizzjoni

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May, li bl-appoġġ tal-partit tagħha ma waslitx lir-Renju Unit biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea, se tkun qed tiltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn.

Waqt konferenza lbieraħ filgħaxija, wara laqgħa tal-Kabinett li damet seba’ sigħat, Theresa May saħqet li se tkun qed tiltaqa’ ma’ Jeremy Corbyn kemm jista’ jkun malajr bil-għan li tinstab soluzzjoni komuni u Brexit ikun jista’ jseħħ.

“Nistgħu u għandna nsibu kompromessi li jwasslu biex iseħħ dak li vvota għalih il-poplu. Dan huma mument deċisiv fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer u jeħtieġ għaqda nazzjonali li tħares l-interess nazzjonali,” saħqet May.

Dan ifisser li May se tkun qed tistaqsi lill-Unjoni Ewropea għal estensjoni oħra għal Brexit wara t-12 ta’ April.

Min-naħa tiegħu Corbyn kien pożittiv ħafna dwar din il-mossa ta’ May.

Dan ifisser li proposti tal-Partit Laburista Ingliż għal Brexit, li għandhom l-appoġġ tal-Parlament Ingliż, mistennija jkunu milqugħa u implimentati mill-Gvern.

Fost oħrajn, Corbyn ilu jisħaq li għandu jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea biex ma jkun hemm l-ebda xkiel fil-moviment ta’ prodotti lejn u mir-Renju Unit.

Rapporti qed jisħqu li l-Kabinett Ingliż jinsab maqsum fuq l-estensjoni Ingliża.

Ħafna mill-Ministri ta’ May jippreferu Brexit bla ftehim milli l-ftehim li Corbyn jixtieq li jilħaq mar-Renju Unit.

More in Politika