Il-Gvern jaċċetta li jkun ippubblikat ir-rapport tal-GRECO

Skont midja lokali, dan ir-rapport kien kritiku ħafna tas-sistema kriminali ġudizzjarja Maltija

Il-Gvern awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-ħames evalwazzjoni ta’ Malta li saret mill-Grupp tal-Istati Kontra l-Korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO.

Ir-rapport jitkellem dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fl-eżekuzzjoni tal-ogħla funzjonijiet eżekuttivi tal-gvernijiet ċentrali u fl-agenziji tal-infurzar tal-liġi.

Skont it-Times of Malta, dan ir-rapport kien kritiku ħafna tas-sistema kriminali ġudizzjarja tal-pajjiż u fi kliemu jekk din mhux se tkun indirizzata, hemm riskju li tikkollassa.

Fost oħrajn, ir-rapport iqajjem dubji dwar iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter, id-dgħjufija istituzzjonali u anke l-Pulizija.

“Hija regola tal-GRECO illi biex rapport jiġi ppubblikat, trid tingħata l-awtorizzazjoni għal dan mill-pajjiż konċernat. Fil-prattika din l-awtorizzazzjoni għall-pubblikazzjoni qatt ma tingħata minn ebda pajjiż mill-ewwel waqt il-laqgħa plenarja li tkun approvat ir-rapport,” spjega l-Ministeru għall-Ġustizzja.

Bi tweġiba għall-kritika li rċieva għax ma ppubblikax dan ir-rapport il-Gvern kompla jispjega li fl-istess jum meta ġiet konkluża l-evalwazzjoni ta’ Malta, ġew konkluzi wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Macedonia tal-Punent u tal-Isvezja li f’ebda pajjiż minnhom għadha ma saret il-pubblikazzjoni tar-rapport rispettiv

Il-Gvern insista li r-rapport tal-GRECO jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż konċernat sabiex itejjeb is-sistemi legali u amministrattivi tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur illi jkun is-suġġett tal-evalwazzjoni

“Jekk wieħed jara r-rapporti li saru lid-diversi pajjiżi fil-kors tal-ħames evalwazzjoni jsib illi diversi pajjiżi oħra sarulhom rakkomandazzjonijiet simili għal dawk li saru lil Malta,” insista l-Ministeru.

L-istqarrija tkompli tgħid li r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO fil-qofol tagħhom jirrigwardjaw sistemi u liġijiet li ilhom f’pajjiżna sa minn qabel l-Indipendenza ta’ pajjiżna.

“Ma hemm, fil-fatt, ebda rakkomandazzjoni tal-GRECO li b’xi mod tikkritika xi waħda mil-liġijiet li wettaq dan il-gvern. Irid jingħad li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet huma fl-istess spirtu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjoni li ħarġet il-Kummissjoni ta’ Venezja f’Dicembru li għadda liema rakkomandazzjonijiet il-gvern diġà qiegħed jindirizza,” qal il-Ministeru.

More in Politika