Ma fhimtx kif se jkunu eletti aktar nisa? Il-bidliet proposti pass pass

Il-Gvern jipproponi mekkaniżmu biex jiżdiedu s-siġġijiet fil-Parlament u jimtlew mid-Deputati nisa. Iżda dan ifisser li Deputati eletti se jkollhom iċedu posthom għal kandidati nisa? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-dokument ta’ konsultazzjoni...

Kristy Debono, eletta f'isem il-Partit Nazzjonalista
Kristy Debono, eletta f'isem il-Partit Nazzjonalista

Matul din il-ġimgħa smajna ħafna dwar kif il-Parlament jista’ jikber b’massimu ta’ 12-il siġġu bil-għan li fil-Parlament ikun hemm rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Madanakollu ħafna qed jistaqsu jekk dan hux se jfisser li kandidati nisa se jkunu qed jieħdu post deputati oħra rġiel li jkunu ġew eletti. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn id-dokument (Riforma: Bilanċ tal‑Ġeneru fil‑Parlament) li jinsab għall-konsultazzjoni pubblika, bil-għan li tindirizza dawn il-mistoqsijiet.

L-ewwel u qabel kollox, il-proposta li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu Parlamentari hija biss waħda mill-proposti li qed jimbotta ’l quddiem dan id-dokument sabiex aktar nisa jidħlu fil-politika u l-Parlament Malti jkun aktar rappreżentattiv.

Aktar milli kwoti, il-Gvern qiegħed jipproponi dak li qed jissejjaħ “Mekkaniżmu Korrettiv tal-Ġeneru” li jidħol fis-seħħ awtomatikament meta jew l-irġiel jew in-nisa, jiksbu inqas minn 40% tas-siġġijiet Parlamentari.

Filwaqt li preżentament dan il-mekkaniżmu japplika aktar għan-nisa, id-dokument jisħaq li dan huwa mmirat għas-sess “sotto-rappreżentat.” Dan ifisser li jekk fil-futur ikun hemm ċirkostanza fejn fil-Parlament ikunu eletti inqas minn 40% irġiel, l-istess mekkaniżmu jiskatta favur il-kandidati maskili.

Helena Dalli, Ministru fil-Gvern Laburista
Helena Dalli, Ministru fil-Gvern Laburista

Imma dan il-mekkaniżmu se jbiddel is-sistema elettorali preżenti?

Il-Gvern, permezz ta’ dan id-dokument, qed jinsisti li l-emendi legali li qed ikunu proposti ma jbiddlux il-proċess elettorali eżistenti. Għal kuntrarju dawn jibqgħu fis-seħħ kif inhuma u magħhom ikun inkluż dan il-mekkaniżmu.

Dan il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari. F’każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali, liema siġġijiet ikunu riservati għal kandidati mis-sess sotto-rappreżentat (preżentament in-nisa).

Ovvjament, dawn in-nisa jkunu kkontestaw l-elezzjoni iżda ma jkunux telgħu bil-proċess eżistenti.

F’każ li kemm l-irġiel u anke n-nisa awtomatikament jaqbżu l-40%, il-mekkaniżmu ma jkunx meħtieġ u ma jiskattax.

Justune Caruana, Ministru fil-Gvern Laburista
Justune Caruana, Ministru fil-Gvern Laburista

Imma allura x’se jiġri minn dawk il-kandidati diġà eletti? Se jkun hemm min iċedi postu għan-nisa?

Assolutament le. Ir-risposta tinsab fl-aġġettiv “addizzjonali.” Siġġijiet addizzjonali jfisser li mal-ammont ta’ siġġijiet preżenti, jiżdiedu aktar siġġijiet, jiġifieri l-membri Parlamentari preżenti jew dawk li jkunu eletti fl-elezzjoni li jmiss, mhux se jkollhom is-siġġu tagħhom mhedded.

Mhux hekk biss, talli d-dokument jispjega kif il-kandidati rġiel mhux se jkunu żvantaġġati għax, kif spjegat aktar ’il fuq, se jkollhom l-opportunità ugwali li jitilgħu bis-sistema preżenti.

Dan ifisser, li l-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ wara li jintemm il-proċess normali tal-għadd tal-voti kif nafuh illum u jkunu eletti l-65 Deputat li jiffurmaw il-Parlament Malti. Kull wieħed minn dawn, sew jekk raġel u sew jekk mara, mhux se jkollhom is-siġġu tagħhom mittiefes.

Julia Farrugia, Segretarju Parlamentari
Julia Farrugia, Segretarju Parlamentari

Kif se jintgħażlu l-kandidati nisa? X’kien jiġri fl-2017?

L-ewwel u qabel kollox, jekk ikun hemm il-ħtieġa li jiżdiedu t-12-il siġġu kollha kemm huma, dawn jinqasmu awtomatikament sitta għan-naħa tal-Gvern u sitta fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni. Dan biex jekk il-poplu jkun għażel li jagħti vantaġġ ta’ ammont ta’ siġġijiet lill-Gvern, ma jkun hemm l-ebda ċaqliq fir-rieda tal-elettorat.  

Dan il-mekkaniżmu korrettiv se jagħmel użu minn tliet tipi ta’ ‘voti moħlija.’

X’inhuma dawn il-voti moħlija? Fi kliem sempliċi, fis-sistema elettorali tagħna, biex tkun stabbilita kwota fuq distrett, irid ikun hemm ħames siġġijiet u wieħed. Dan ifisser li biex tkun stabbilita l-kwota, in-numru ta’ votanti f’disrett ikun diviż bejn sitta, li jfisser li dejjem ikun hemm kandidat wieħed li għal ftit jibqa’ ‘imdendel.’

Għalhekk, l-ewwel mhu se jiġu eletti biex jimtlew dawn is-siġġijiet addizzjonali, huma dawk il-kandidati ‘mdendla’ mis-sess sotto-rappreżentat (fil-każ ta’ bħalissa kandidati nisa) li ma jkunux telgħu bis-sistema preżenti.

Pereżempju, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, żewġ kandidati nisa spiċċaw ‘imdendla’ wara l-aħħar għadd. Paula Mifsud Bonnici, li kkontestat mal-Partit Nazzjonalista fuq l-ewwel distrett, kienet il-kandidata ‘mdendla,’ b’2,749 vot. Deborah Schembri, li kkontestat mal-Partit Laburista fuq it-12-il distrett baqgħet ‘imdendla’ wara li kisbet 3,417-il vot. B’dan il-mekkaniżmu, dawn iż-żewġ kandidati kienu jiġu eletti awtomatikament biex jimlew is-siġġijiet addizzjonali.

Wara dan, ġaladarba s-sess sotto-rappreżentat bħalissa huwa dak femminili, jinfetħu wkoll il-voti ta’ dawk il-kandidati ‘mdendla’ rġiel, biex jingħaddu l-voti tan-nisa. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, 10 distretti elettorali kellhom ‘voti moħlija.’ Sa issa, dawn huma kollha voti li ma jinfetħux.

Pereżempju fl-elezzjoni tal-2017, Josie Muscat (PN) kiseb 2,493 vot fuq it-tieni distrett. Dawn il-voti ‘moħlija’ tiegħu kienu jinfetħu biex issir elezzjoni każwali biex jingħaddu l-voti ta’ dawk il-kandidati nisa li kkontestaw mal-Partit Nazzjonalista fuq l-istess distrett. F’dan il-każ, il-kontestanti kienu jkunu Mary Bezzina u Doris Borg.

Rosianne Cutajar, Deputata tal-PL
Rosianne Cutajar, Deputata tal-PL

Fl-aħħar nett, jinfetħu wkoll il-voti ta’ dawk il-kandidati li jkunu ġew eletti b’elezzjoni każwali, li fis-sistema elettorali tagħna ma jkunux eletti skont il-voti li jkunu ġabu huma iżda skont il-voti l-oħra (it-tieni preferenza, it-tielet etċ) tal-kandidat li jkun ċeda postu. Din is-sistema nsejħulha ‘co-option.’

Id-dokument allura jipproponi li dawn il-voti tal-kandidati li jkunu ġew eletti b’elezzjoni każwali jinfetħu wkoll biex bihom ikunu eletti l-kandidati nisa.

Marthese Portelli, Deputata Nazzjonalista
Marthese Portelli, Deputata Nazzjonalista

Fl-elezzjoni tal-2017, Edward Zammit Lewis kien elett f’isem il-Partit Laburista b’elezzjoni każwali fuq it-tmien distrett. Għalhekk, kienu jinfetħu l-voti tiegħu, jiġifieri 3,298 vot bil-għan li jingħaddu l-voti tal-kandidati nisa tal-Partit Laburista fuq l-istess distrett. F’dan il-każ l-uniku kontestanta kienet tkun Rachel Tua.

Ovvjament, f’każ li jkunu qed isiru aktar elezzjonijiet każwali minn kemm għad fadal siġġijiet x’jimtlew min-nisa, il-kandidati nisa li jiġi eletti jkunu dawk li ġabu l-akbar ammont ta’ voti wara li jintemm il-proċess kollu tal-għadd.

X’effett se jħalli dan il-mekkaniżmu?

Id-dokument konsultattiv jidħol fid-dettall biex jispjega kif dan il-mekkaniżmu jwassal biex ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, li bħalissa tammonta għal madwar 14%, titla’ għal madwar 40%.

Dan ifisser, li kieku dan il-mekkaniżmu kien diġà jopera fl-aħħar elezzjoni ġenerali, in-numru tad-Deputati nisa fil-Parlament Malti kien jitla’ minn 10 għal 22 Deputat.

Interessanti, li fl-istorja tal-Parlament Malti, jiġifieri fl-aħħar 72 sena, 27 mara biss irnexxielhom iservu fil-Parlament.

Rapport wara l-ieħor, kemm tal-Eurostat u anke tal-Istitut Ewropej għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru (EIGE) poġġew lil Malta fost l-inqas pajjiżi li għandhom nisa parteċipattivi fil-politika u dan minkejja li f’Malta 60% tal-gradwati huma nisa.

Claudette Buttigieg, Deputat Speaker u Deputata tal-PN
Claudette Buttigieg, Deputat Speaker u Deputata tal-PN

X’ġara f’pajjiżi oħra?

Id-dokument iħares ukoll lejn dak li ġara f’pajjiżi oħra li inkludew il-kwoti, fejn f’pajjiżi bħall-Belġju, is-Serbja, il-Portugall, Spanja u Franza u oħrajn kien hemm żieda fl-ammont ta’ kandidati nisa li ħarġu għall-elezzjoni jew li ġew eletti wara li dawn daħlu fis-seħħ.

Id-dokument iħares b’mod partikolari lejn dak li ġara fl-Irlanda u dan minħabba diversi similaritajiet bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż fis-sistema elettorali.

L-elezzjoni ġenerali Irlandiża tal-2016 kienet l-ewwel waħda li fiha kienu japplikaw il-kwoti. F’din l-elezzjoni, kien hemm żieda ta’ 40% fl-ammont ta’ parlamentari nisa li ġew eletti.

Qabel din l-elezzjoni, l-għadd tan-nisa fil-Parlament Irlandiż qatt ma qabeż is-16%.

B’kollox ikkontestaw 551 kandidat. 388 kienu rġiel (70.4%) filwaqt li 163 kienu nisa (29.6%). Dan kien l-akbar numru ta’ nisa li qatt ikkontestaw elezzjoni ġenerali fl-Irlanda.

Roberta Metysola, MEP Nazzjonalsta
Roberta Metysola, MEP Nazzjonalsta

Proposta wkoll biex ikun emendat l-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti

Id-dokument jipproponi wkoll emendi fl-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti bl-għan li l-partiti politiċi jkunu jistgħu japplikaw għal fondi mill-istat biex jintużaw mill-istess partiti għar-reklutaġġ ta’ kandidati nisa, iħarrġuhom u anke jippromovuhom.

Ngħiduha kif inhi, biex aktar nisa jkunu eletti fil-Parlament, importanti li mhux biss jiżdiedu s-siġġijiet Parlamentari iżda li jkun hemm aktar nisa li jikkandidaw ruħhom.

Għalhekk, din il-proposta hija intiża wkoll biex il-partiti jippruvaw joffru kandidatura bbilanċjata.

Il-partiti politiċi se jkunu obbligati li jagħtu rendikont finanzjarju annwali lill-Kummissjini Elettorali u li fih jispjegaw kif qed jintużaw dawn il-fondi.

Marlene Farrugia, eks Kap tal-Partit Demokratiku
Marlene Farrugia, eks Kap tal-Partit Demokratiku

...mela r-responsabbilitajiet tal-Kummissjoni Elettorali jridu jkun estiżi

Ġaladarba l-partiti politiċi li japplikaw għal dawn il-fondi jridu jagħtu rendikont annwali lill-Kummissjoni Elettorali, dan ifisser li r-responsabbilitajiet tagħha jeħtieġ li jkunu estiżi.

Għalhekk, id-dokument jipproponi li l-Kummissjoni Elettorali tkun obbligata li kull sena tagħmel awditjar dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru f’dawk il-partiti politiċi li jagħżlu li japplikaw għal fondi mill-istat.

L-istess Kummissjoni, se tkun obbligata li tippubblika l-evalwazzjoni tagħha f’rapport annwali fejn tagħti stampa ċara tal-inizjattivi u miżuri li l-partiti jkunu ħadu biex jippromovu l-ugwaljanza fil-politika.

Il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel ukoll r-rakkomdazzjonijiet tagħha.

Ġaladarba se jkollha dan l-irwol, ma jagħmilx sens li din il-Kummissjoni tkun magħmula minn irġiel biss jew maġġoranza assoluta ta’ rġiel u allura d-dokument konsultattiv jisħaq li din għandha tkun rappreżentattiva taż-żewġ sessi.

Biex dan isir malajr kemm jista’ jkun, id-dokument jipproponi li l-membri tal-Kummissjoni jiżdiedu.

President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca
President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca

Tinħoloq Kummissjoni għal mainstreaming tal-ġeneru fil-Parlament

Il-Kumitat Tekniku li ħadem fuq dan id-dokument qed jipproponi wkoll li l-Ispeaker jaħtar Kummissjoni biex tfassal Pjan Strateġiku u li xogħolha jkun li tassigura:

  • Kuxjenza dwar il-ħtieġa tal-mainstreaming tal-ġeneru fil-liġijiet u l-policies
  • Li n-nisa jkollhom rappreżentanza xierqa fil-Kumitati Parlamentari
  • Li jaddotta politika kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju
  • Li l-Parlament ikollu politika istituzzjonali kontra l-fastidju sesswali
  • Li l-Parlament joffri servizz ta’ nursery u anke kmamar għall-familja
  • Skeda ta’ laqgħat fejn is-sigħat ikunu addattati għall-Membri Parlamentari
  • Tiġi diskussa l-possibbilità li l-back benchers ikollhom l-opportunità li b’mod volontarju jagħżlu li jaħdmu full-time.

Ġaladarba dan id-dokument jipproponi wkoll emendi Kostituzzjonali, dwar dawn ikun hemm bżonn l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Giovanna Debono, eks Ministru ta' Għawdex tal-PN
Giovanna Debono, eks Ministru ta' Għawdex tal-PN

‘Ma għandux ikollna diskriminazzjoni favur in-nisa’ - Mary Anne Lauri

Il-pożizzjoni tiegħi fuq il-kwoti minn dejjem kienet ċara. Jekk in-nisa u l-irġiel huma ndaqs u kapaċi l-istess, allura ma għandux ikollna diskriminazzjoni favur in-nisa. Nistgħu nsejħulha b’ħafna ismijiet imma xorta tibqa’ diskriminazzjoni favur il-mara.

Hawn ħafna li huma favur din il-miżura u għandhom raġunijiet validi.

Xorta, jiena, bħala mara, inħoss li din se sservi ta’ skuża għal dawk li ma jemmnux li n-nisa u l-irġiel huma kapaċi indaqs biex jgħidu: “Dik qiegħda f’dik il-pożizzjoni minħabba l-kwoti.”

Hemm min din ma ddejqux. Lili ddejjaqni. Dan ma jfisser xejn. Idejquni ħafna affarijiet fil-ħajja. Xi wħud lesta niġġieled għalihom. Oħrajn le.

Il-kwoti huma xi ħaġa li mhux lesta niġġieled għalihom jew kontra tagħhom. J’Alla għandi żball jien. J’Alla din il-miżura twassal biex iżjed nisa jkunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jieħdu deċiżjonijiet effettivi. J’Alla leħen ‘il mara jinstema’ u jiġi stmat.

Miriam Dalli, MEP tal-PL
Miriam Dalli, MEP tal-PL

‘Mekkaniżmu intelliġenti li jwarrab id-diskriminazzjoni’ - Godfrey Pirotta

Is-sistema politika li nħaddmu hija magħrufa bhala demokrazija rappreżenattiva u dawk eletti rappreżentanti tal-poplu. B’dan infissru li għandu jkun hemm rappreżentanza xierqa tal-poplu kollu.

Fil-mixja lejn id-demokrazija kien hemm dibattiti jaħarqu ta’ kif il-poplu kollu seta’ jkun irrappreżentat fil-Parlament u d-dinja tgawdi minn sistemi elettorali differenti. Dawk li kienu kontra rappreżentanza ġusta ħadmu biex jitwaqqfu strutturi u mekkaniżmi li jivvantaġġjaw minoranzi bħan-nobbli u l-kleru, bħas-Senat, biex ikomplu jgawdu poter a skapitu tal-poplu.

In-nisa qajla ġew ikkunsidrati minkejja li dejjem ammontaw għal madwar nofs il-popolazzjoni u lanqas gawdew mid-dritt għall-vot. Hawn min jgħid li dawk kienu żminijiet oħra. Illum ukoll huwa żmien ieħor. Daħħalna mekkaniżmi biex biex ikun hemm proporzjonalità bejn il-partiti.

Issa wasal iż-żmien li nagħmlu dan biex ikun hemm iktar propozjonalità bejn is-sessi. F’Malta qed jiġi propost mekkaniżmu temporarju biex din il-proporzjonalità tintlaħaq. Huwa mekkaniżmu li ma jbiddilx il-proċess preżenti imma jwessgħu. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, dan huwa mekkaniżmu intelliġenti li jwarrab kull elementi ta’ diskriminazzjoni biex jilħaq għan ġust.

Agatha Barbara, eks President ta' Malta
Agatha Barbara, eks President ta' Malta

'Proposti li se jfissru demokrazzija sħiħa u ġusta' - Lorraine Spiteri

Għal xi ħadd bħali li ilni iżjed minn 35 sena naħdem u nippromwovi l-importanza li jkun hemm bilanċ fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fejn jittieħdu d-deċizjonijiet l-iktar importanti għall-pajjiż, inħossni kuntenta ħafna flimkien ma’ nisa, u anke rġiel, li fhemu li biex ikollna demokrazija sħiħa f’pajjizna irid ikollna kemm irġiel u kemm nisa fil-Parlament.

Dak li qiegħed jiġi propost huwa pass kuraġġuż u li kellu bżonn jittieħed illum qabel għada għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu tant riżorsa importanti meta nafu li hawn nisa kapaċi daqs kemm hawn irġiel, imma ġeneralment in-nisa għandhom numru ta’ ostakli x’jegħlbu meta mqabbla mal-irgiel biex jirnexxilhom ikissru dak is-saqaf tal-ħġieġ u jaslu sal-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Din hija miżura pożittiva temporanja li matul is-snin hija mistennija li tistabbilixxi il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn żieda ta’ siġġijiet għax il-bilanż iseħħ b’mod naturali. Nistennew dibattitu nazzjonali bi proposti u kritika kostruttiva li jwassalna biex ikollna demokrazzija sħiħa u ġusta.

More in Politika