'Il-pubbliku qed jingħata informazzjoni mhux sostanzjata' ... il-Knisja dwar il-mina

Il-Kummissjoni Ambjent tappella lill-Gvern biex jippubblika l-istudji li saru dwar l-alternattivi kollha għal aċċessibbilità aħjar bejn Malta u Għawdex

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qed tappella lill-Gvern biex jippubblika l-istudji li saru dwar l-alternattivi kollha għal aċċessibbilità aħjar bejn Malta u Għawdex.

Fi kliem din il-Kummissjoni tal-Knisja, il-pubbliku qed ikun “magħluf” b’informazzjoni u asserzjonijiet li mhumiex sostanzjati b’evidenza li hija pubblika.

Fi stqarrija pjuttost twila, il-Kummissjoni Ambjent qed tappella lill-Gvern biex jgħid liema mill-alternattivi li ġew studjati joffru l-aħjar aċċessibbilità bejn il-gżejjer b’mod sostenibbli mil-lat ekonomiku, operazzjonali, ambjentali u soċjali.

Apparti minn hekk, il-KA qed tappella wkoll lill-Gvern biex jippubblika l-istudji dwar l-opportunitajiet tax-xogħol u investiment f’Għawdex li jistgħu jinħolqu minn dawn l-alternattivi u l-fatturi li xorta waħda jistgħu jżommu investituri milli jinvestu f’Għawdex jekk ikunu implimentati dawn l-alternattivi, jew almenu xi waħda minnhom.

“Il-KA tħoss li ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li biha wieħed ikun jista’ jgħarbel l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà titjieb tassew,” qalet il-Kummissjoni waqt li fakkret li l-alternattivi ta’ vapur ieħor għall-Gozo Channel u s-servizz ta' fast ferry għadhom ma twettqux, filwaqt li fi kliema mar lura s-servizz ta’ emerġenza ta’ ħelikopter bejn l-isptar ta’ Għawdex u dak ta’ Malta

Kien hawn li l-KA qalet li fin-nuqqas ta’ titjib ta’ servizz eżistenti u/jew introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li ma jirrekjedux investimenti sostanzjali meta mqabbla ma’ mina, bilfors jissaħħu l-argumenti favur mina.

'Il-mina tista' ma tindirizzaw il-fatturi li jinfluwenzaw l-investiment

Barra minn hekk, il-KA tenniet ukoll dak li qalet f’Ottubru tal-2013, jiġifieri li biex ikun hemm deċiżjoni matura dwar il-proġett finali, il-prezz li wieħed irid iħallas għas-servizz ta’ aċċessibbilità għandu jkun studjat bil-galbu u ppubblikat minn qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ liema alternattiva hija l-aħjar.

Kompliet tappella wkoll biex ikun studjat fid-dettall l-aspett ekonomiku.

Fin-nuqqas ta’ titjib ta’ servizz eżistenti u/jew introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li ma jirrekjedux investimenti sostanzjali meta mqabbla ma’ mina, bilfors jissaħħu l-argumenti favur mina

“Jeħtieġ immorru lil hinn mill-idea li aċċessibbiltà aħjar (tkunx il-mina jew kwalunkwe mezz ieħor) tista’ ssolvi l-problemi kollha ekonomiċi u ta’ investiment f’Għawdex. Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw jekk investitur jinvestix jew le f’Għawdex, u mina tista’ ma tindirizza l-ebda minn dawn il-fatturi,” qalet il-Kummissjoni.

Kompliet tisħaq li l-proġett ta’ konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer huwa ta’ rilevenza strateġika nazzjonali u għalhekk fi kliemha għandu dejjem jinħaseb fil-kuntest ta’ titjib tal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-titjib ekonomiku tal-pajjiż kollu.

Qed tappella wkoll biex tkun ippubblikata b’mod sħiħ l-Analiżi tal-Ispiża u l-Benefiċċji (CostBenefit Analysis, CBA) tad-diversi alternattivi għall-mina għall-vetturi biss.

Tappella wkoll biex ma jiġrix dak li ġara meta nbidel il-masterplan ta' Smart City

Appellat ukoll li għal kull proġett ta’ aċċessibbilità bejn il-gżejjer għandu jinżamm l-ogħla livell ta’ trasparenza, valur għall-flus, kompetizzjoni ta’ vera bejn kull min hu interessat li jidħol għall-proġett u fuq kollox li l-proġett ikun sostenibbli minn kull lat ambjentali, soċjali u ekonomiku.

Il-KA qed tappella lill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar, tal-Awtorità għar-Riżorsi u Ambjent, tal-Uffiċċju tal-Focal Point tal-iStrategic Environmental Assessment u ta’ Transport Malta biex jiżguraw li d-Direttivi tal-Environmental Impact Assessment (EIA) u tal-iStrategic Environment Assessment (SEA) jiġu implimentati b’mod sħiħ u “mingħajr ebda logħob legalistiku bħalma ġara fil-każ tat-tibdil tal-masterplan ta’ Smart City.”

Temmet tappella wkoll lid-Dipartiment tal-Kuntratti u lill-Awditur Ġenerali biex jiżguraw li l-proċess tal-għażla ta’ alternattiva/i għat-titjib fl-aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer ikun wieħed li jqanqal l-ebda dubji u li joffri valur għall-flus b’risq l-iżvilupp ta’ Għawdex.

More in Politika