10 skejjel jibbenefikaw iktar minn €10,000 għal proġetti ta’ konservazzjoni tal-ilma

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, permezz tal-Proġett LIFE-IP RMP-Malta, ippremjat lil dawn l-10 skejjel f’serata li ttellgħet fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma

L-istudenti mill-iskejjel differenti mal-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi
L-istudenti mill-iskejjel differenti mal-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi

10 skejjel madwar Malta u Għawdex ibbenefikaw iktar minn €10,000 f’għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw proġetti fl-iskola tagħhom stess li jippromwovu prattiċi favur il-konservazzjoni tal-ilma.

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, permezz tal-Proġett LIFE-IP RMP-Malta, ippremjat lil dawn l-10 skejjel f’serata li ttellgħet fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, Għajn fir-Rabat. Matul din is-serata, l-iskejjel rebbieħa ppreżentaw il-proġetti tagħhom, u spjegaw kif se jkunu qed jiġu użati l-fondi mogħtija.

L-iskejjel li ngħataw l-għajnuna għall-proġetti tagħhom huma; Immaculate Conception, Tarxien, San Ġwann Primary School, Savio College, San Ġorġ Preca College Ħamrun Secondary, San Ġorġ Preca College Valletta Primary, Gozo College Sannat Primary, St Nicholas College Mtarfa Primary, Maria Regina College Wardija, Santa Margerita Isla Primary and St Benedict College Safi Primary.

L-iskejjel se jkunu qed jiġu mgħejuna wkoll minn HSBC-Malta permezz tal-attivitajiet ta’ community outreach tagħhom, waqt li jippreżentaw ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti lill-ġenituri u familjari tal-istudenti, kif ukoll lill-komunità fil-madwar tal-iskola.

Il-proġetti magħżula involvew lill-istudenti permezz tal-inizjattivi tal-Eko-Skola fl-iżvilupp tal-proposti għall-proġetti. Għaldaqstant, l-istudenti jkunu iktar kapaċi jifhmu l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi li kien qed jippreżenta l-premjijiet, feraħ lill-iskejjel rebbieħa waqt li inkoraġġixxa lill-istudenti sabiex jitgħallmu iktar dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-ilma, waqt li jużaw proġetti ta’ dan it-tip sabiex ikunu jistgħu jagħmlu d-differenza fl-iskejjel tagħhom u fil-komunità.

Il-Ministru Mizzi rringrazzja wkoll lill-għalliema għall-għajnuna tagħhom fil-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-proposti, flimkien mal-istudenti.

“L-irwol tal-istudenti sabiex iwasslu l-messaġġ ta’ konservazzjoni tal-ilma mal-istudenti huwa ferm importanti, iktar u iktar meta nikkunsidraw li l-istudenti tal-lum huma ċ-ċittadini ta’ għada, u l-mexxejja ta’ għada,” temm jgħid il-Ministru Mizzi.

More in Politika