Investiment ta’ €150,000 biex il-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa jkollu sit fejn jopera

 Is-sit li issa qiegħed jintuza mill-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa li għal żmien twil kellu jinqeda b’garaxxijiet żgħar jew b’arranġamenti ma’ clubs oħra

Il-Ministru Ian Borg fil-post fejn se jibda jopera l-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa
Il-Ministru Ian Borg fil-post fejn se jibda jopera l-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit il-ġdid minn fejn qiegħed jopera il-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa, sit li ngħata mill-Gvern u li tranġa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li jaqa’ taħt l-istess Ministeru.

“Għal darboħra qed niltaqgħu fuq sit fejn il-Gvern daħal għal għaqda sportiva, fejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettaq ħidma għal klabb ieħor favur operat u faċilitajiet aħjar, fejn il-Gvern ta sit pubblika għal użu sportiv u fejn l-investiment qiegħed ikompli anke permezz ta’ Infrastructure Malta li qiegħda tħejji slipway biex tiffaċilita l-operat tal-klabb. Illum qegħdin hawnhekk fuq is-sit li issa qiegħed jintuza mill-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa li għal żmien twil kellu jinqeda b’garaxxijiet żgħar jew b’arranġamenti ma’ clubs oħra għax ma kellux post adekwat fejn jopera,” qal il-Ministru Borg.

Huwa spjega kif il-Gvern investa aktar minn €150,000 sabiex dan is-sit seta’ jitranġa biex ġie attrezzat għal użu mill-klabb. Id-Dipartiment hawnhekk għaddej b’numru ta’ xogħlijiet favur faċilitajiet u kumditajiet aħjar għall-klabb kif ukoll servizzi u tisbiħ, filwaqt li fil-futur mistennija jsiru xi xogħlijiet oħra.

“Dan huwa l-istess dipartiment li matul l-2018 wettaq xogħlijiet għal seba’ għaqdiet sportivi differenti, filwaqt li din is-sena l-ħidma tkompli għaddejja fuq proġetti oħra, fosthom il-pitch tal-football f’Marsaskala u l-klabb tat-Tennis fil-Kalkara, ħidma li tkompli tagħti prova ċara tal-impenn li l-Gvern għandu biex jgħolli l-livell tal-għajxien tal-poplu tiegħu, li jiddependi fuq diversi fatturi differenti, fosthom li jkollna faċilitajiet sportivi adekwati u aċċessibbli għad-dilettanti li jkunu jixtiequ jipprattikaw l-isport. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħidma tagħna dejjem tiċċentra ruħha fuq il-komunità u l-kwalità tal-ħajja li din tgħix, u għalhekk ninsab tassew sodisfatt bl-impenn u l-ħidma siewja ta’ dan id-Dipartiment. Kommess li nkompli nara aktar ħidma bħal din fuq bażi lokali filwaqt li nħares ’il quddiem biex nara aktar riżultati pożittivi jitgawdew min-nies frott ta’ ħidmietna, għax dawn huma proġetti li vera jmissu mal-komunitajiet,” għalaq il-Ministru Borg. 

More in Politika