Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Tliet Kunsilli, erba' NGOs u disa' residenti jiftħu kawżi l-Qorti dwar il-proġett db

Huma ddikjaraw li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li toħroġ il-permess lid-db Group qed tikser il-liġi Maltija...

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Marzu 2019 10:46
Residenti, numru ta’ għaqdiet u tliet Kunsilli Lokali fetħu żewġ kawżi il-Qorti rigward il-proġett tad-db Group fuq is-sit ta’ dak li qabel kien l-ITS (City Centre Project).

Fi stqarrija dawk li fetħu l-kawża sostnew li l-ftuħ ta’ dawn il-kawżi kien possibbli grazzi għar-rispons enormi tal-pubbliku għall-inizjattiva ta’ ġbir tal-flus mingħand il-poplu f’Ottubru li għadda, meta inġabret is-somma ta’ aktar minn €26,000 biex jiġu koperti l-ispejjeż legali għal azzjonijiet kontra dan il-proġett.

Bħala parti minn sensiela ta’ azzjonijiet legali, l-appellanti qed iressqu appell il-Qorti kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar. Filwaqt li t-Tribunal iddeċieda favur l-appellanti  fuq numru ta’ punti, huwa ċaħad ukoll numru ta’ argumenti validi li huma kruċjali għas-saħħa u l-benesseri tal-komunità u l-kapaċità tal-infrastruttura biex tiflaħ għal żvilupp intensiv ta’ din ix-xorta. Ir-residenti, l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali qed jappellaw għal riżoluzzjoni trasparenti u sostenibbli dwar numru ta’ punti legali li għadhom mhux solvuti.

Barra minn dan l-appell, ir-residenti, l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali ressqu wkoll azzjoni l-Qorti għal reviżjoni ġudizzjarja. Huma ddikjaraw li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li toħroġ il-permess lid-db Group qed tikser il-liġi Maltija peress li l-proċess ma kienx isegwi l-prinċipju tal-ġustizzja naturali u l-proċeduri rilevanti.

Il-komunitajiet u l-għaqdiet involuti qalu li jinsabu impenjati "biex inkomplu niġġieldu kontra dan il-proġett eċċessiv u insostenibbli sakemm ikun jeħtieġ. Proġetti ta’ dan id-daqs estrem ma jistgħux jitħallew jidfnu komunitajiet sħaħ u jagħmlu pressjoni fuq l-infrastruttura, filwaqt li jiġu approvati ħafna qabel kull miżura razzjonali u li tħares fit-tul jiġu assigurati. Din l-attitudni ta’ ‘L-ewwel ibni u mbagħad niffaċċjaw il-konsegwenzi wara’ trid tieqaf”.

Iż-żewġ azzjonijiet il-Qorti saru minn tliet Kunsilli Lokali: Pembroke, San Ġiljan u Swieqi, Erba’ NGOs: Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta u disa' residenti. 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook