Għandha 65 sena, b'pensjoni ta' €500 u se tispiċċa bla saqaf fuq rasha

Storja xokkanti, imma vera ta' mara ta' 65 sena li ilha f'kirja 19-il sena u li se tispiċċa tittallab fi-triq fi ftit ġimgħat oħra jekk ħadd ma jidħol għaliha ...

Sikwit ikunu ppubblikati statistiċi li jittrattaw il-faqar f’pajjiżna u meta jkunu ppubblikati kulħadd jagħtihom dik il-bixra politika skont il-kulur tan-nuċċali. Imma lil hinn mill-figuri u l-persentaġġi, kull statistika tirrappreżenta persuna.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ anzjana u semgħet l-istorja tagħha. Storja ta’ anzjana li wara li tat sehemha fid-dinja tax-xogħol spiċċat waħedha u dalwaqt barra fit-triq, b’ta’ fuqha senduqha.

F’dar antika sew, b’bozza waħda u għamara mill-anqas tkellimna ma’ Marija*, mara ta’ 65 sena li ta’ kull xahar issibha diffiċli biex imqar ikollha l-bażiku u tgħix ħajja diċenti. Iżda mhux dan biss, hekk kif din il-ġimgħa sid il-kera informaha li trid toħroġ minn ġod-dar u ssib xi mkien ieħor fejn tgħix fi żmien xaharejn.

‘Għandi sal-21 ta’ Mejju biex noħroġ minn hawn’

Mal-ILLUM, b’dieqa liema bħala li tispikka fil-leħen miksur tagħha, Marija tibda biex tispjega l-problema tagħha. “Ilni ngħix ġewwa din id-dar, 19-il sena sħaħ. Kont ġejt hawnhekk wara li kienet mietet ħabibti, niftakar li dan il-post kont sibtu mill-avviżi tal-gazzetti,” tispjega Marija.

L-anzjana li tinsab kompletament waħedha għax m’għandhiex qraba tkompli titkellem fuq l-aħbar kerha li rċeviet din il-ġimgħa. “Ftit jiem ilu kellimni s-sid tad-dar fejn noqgħod. Ġie u qalli li sa xaharejn oħra rrid inkun ħriġt minn hawn u nagħtih iċ-ċavetta. Qalli li t-tifel tiegħu għandu bżonn din id-dar u li ‘l-familja tiġi l-ewwel’,” irrakkontat l-anzjana.

Din il-mara m’għandha l-ebda illużonijiet u taf sew li minkejja kollox, hi m’għandhiex dritt fuq il-proprjetà.

Bid-dmugħ f’għajnejha hi tgħid kif, “m’għandi l-ebda dritt legali biex nibqa’ ġewwa dan il-post għaliex il-liġi tal-post qiegħda ta’ wara l-1995 u għalhekk ma nista' nagħmel xejn.”

Għalkemm Marija ilha tgħix f’din id-dar 19-il sena sħaħ, sid il-kera għandu dritt li ma jġeddidx il-kera meta jagħlaq il-perjodu miftiehem fuq il-kuntratt tal-kera jew inkella f'nuqqas ta' kuntratt malli jgħaddi l-perjodu tal-ħlas tal-kera kif miftehma. Dan għaliex il-kuntratt kien iffirmat wara l-bidliet fil-liġi fl-1995.

Imma dritt jew le, huwa fatt li ftit ġranet oħra biss din il-mara se jkollha tmur tittallab għal saqaf fuq rasha. B’rasha baxxuta Marija tesprimi t-tħassib serju tagħha, “ma nafx x’se naqbad nagħmel, fuq kollox qed naħseb. Bħalissa nħallas €300 fix-xahar hawnhekk, forsi nsib xi post xi ftit aktar għoli minn hekk iżda ma niflaħx inħallas ħafna aktar.”

Trid tgħaddi b’€180 fix xahar… ġieli tiddejjen €100 mingħand tal-grocer

Minkejja li attwalment Marija għandha problema kbira fuq x’se tagħmel meta jasal ix-xahar ta’ Mejju, hekk kif din trid issib post bi prezz simili  mal-ILLUM hija tispjega d-diffikultà li jkollha kull xahar biex tlaħħaq mal-ħajja bl-ispejjeż kif inhuma llum.

“Għandi €515 pensjoni, €300 minnhom kienu jmorru għall-kera u bejn wieħed u ieħor €35 dawl.”

Dan ifisser li b’€180 l-anzjana trid tgħaddi xahar sħiħ. U x’tagħmel biex tiekol? “Kemm-il darba nispiċċa niddejjen mingħand tal-grocer.”

Staqsejtha kemm tiddejjen bejn wieħed u ieħor fix-xahar, hi tgħid li, “mhux dejjem l-istess. Xi drabi €100 xi drabi anqas. Tal-grocer jifhimni u jirraġuna, allura ġieli nagħtihomlu bin-nifs u ġieli meta nkun nista’ pereżempju meta jidħol xi bonus nagħtihomlu f’salt,” saħqet l-anzjana.

Fi tmien l-intervista b’sogħba liema bħala l-anzjana tirrimarka li, “il-problemi jeżistu kullimkien mhux kulħadd jurihom, hemm min jitkellem dwarhom. Jeżistu żgur. Lanqas aħna stess ma nafu kemm jeżistu,” temmet tgħid Marija. Tlaqna mid-dar tal-anzjana xi ftit jew wisq imħassbin kif f’dan il-ġid kollu xorta għad hawn minn qed jgħix bl-eżatt u iktar minn hekk li lanqas jaf jekk hux se jkollu saqaf fuq rasu għada.

*Marija huwa isem fittizju

More in Politika