Albaniż jaqla' xebgħa tajba f'Paceville ... l-akkużati jużaw 'ponn tal-ħadid'

L-Avukat ta' wieħed mill-akkużati jgħid illi qed tikber it-tensjoni bejn il-komunità Serba u dik Albaniża f'Malta

Paceville
Paceville

Raġel Albaniż kien imsawwat bl-ikrah f'Paceville nhar il-Ħadd li għadda, episodju li l-avukat ta' wieħed miż-żewġ akkużati qal lill-Qorti illi turi t-tensjonijiet razzjali li jeżistu f'Malta.

L-Albaniż sofra minn ġrieħi gravi. 

Minn investigazzjoni tal-pulizija rriżulta li żewġ irġiel Serbi, wieħed jgħix il-Mellieħa u l-ieħor l-Imsida kellhom fil-pussess tagħhom sustanza li hija ssuspettata li hio kannabis, kokaina u oġġetti li jintlibsu mal-ġogi tas-swaba' u li magħmulin mir-ram (Ponn tal-ħadid - Brass Knuckles) Dawn l-oġġetti huma magħmulin biex iweġġgħu waħda sew meta persuna tagħti daqqa ta' ponn u l-użu tagħhom huwa illegali.  

Illum wara nofsinhar iż-żewġ Serbi kienu akkużati illi weġġgħu lill-Albaniż, li attakawh, li kisru l-paċi pubblika u li kienu qed jaħdmu bħala membru tas-sigurtà mingħajr il-liċenzja neċesssarja. 

L-Avukat Joe Giglio, li deher għal wieħed mill-akkużati, informa lill-Qorti illi dan ma kienx biss każ ta' ġrieħi fuq il-ġisem ... "din hija r-realtà ta' Malta llum. It-tensjoni bejn is-Serbi u l-Albaniżi qed taffetwa lil Paceville. Ninsab infurmat," qal Giglio, "li hemm grupp ta' Albaniżi li joqgħodu jduru jfittxu lis-Serbi u jipprovokaw."

Giglio talab għall-ħelsien mill-arrest u qal illi filwaqt li jifhem in-neċessità li jkun hemm arrest, jifhem ukoll li hemm bżonn li jinħoloq bilanċ. Fakkar illi dakinhar tal-inċident il-Pulizija ma ħassewx il-bżonn li jarrestaw lill-klijent tiegħu, li fil-fatt dan kien arrestat nhar il-Erbgħa. 

L-Ispettur Xerri qal li l-istabbiliment kien magħluq għal diversi ġranet wara l-inċident u kien għalhekk li dam ma sar l-arrest. Hu qal ukoll li l-klijent ta' Giglio ma jistax ikun afdat għax qal li huwa 'cleaner' meta fil-fatt huwa 'bouncer.'

L-Avukat Christopher Chircop li deher għall-akkużat l-ieħor qal illi m'hemm ebda biża' li l-klijent tiegħu jkellem lil xi ħadd jew ibagħbas l-evidenza, għax "kieku riedu kellhom ċans biex jagħmlu hekk."

Il-Qorti aċċettat li wieħed mill-akkużati jinħeles mill-arrest iżda mhux l-ieħor, minħabba li qed jiffaċċja akkużi ta' traffikar tad-droga. 

Huma kienu ordnati jiffirmaw l-għassa darbtejn kuljun u jitgħu depożitu ta' €500 u garanzija personali ta' €5,000.

 

More in Politika