Il-Prim Ministru u martu juru l-appoġġ lill-atleti Maltin tal-Olimpjadi Speċjali f’Abu Dhabi

Kliem ta' tifħir għas-sehem u l-ħidma li qed titwettaq minn Special Olympics Malta

Ritratt | Jason Borg DOI
Ritratt | Jason Borg DOI

Illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle Muscat, li hija l-President tal-Kumitat ta’ Special Olympics Malta, iltaqgħu mal-kontinġent Malti ta’ madwar 50 persuna li qed jieħdu sehem fl-Olimpjadi Speċjali li qed isiru f’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda. 

Il-Prim Ministru u martu qattgħu ftit ħin mal-atleti li qed jirrappreżentaw lil Malta f’Abu Dhabi fejn wasslulhom ix-xewqat sbieħ tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Prim Ministru sostna li f’dawn il-logħob Malta qed turi li tista’ tikkompeti f’diversi dixxiplini u takkwista riżultati, filwaqt li awgura l-aqwa suċċess lill-atleti Maltin. 

Ritratt | Jason Borg DOI
Ritratt | Jason Borg DOI

Muscat u martu, akkumpanjati mid-Direttur ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima u mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, iltaqgħu wkoll maċ-Chairman ta’ Special Olympics Tomothy Shriver fejn ġew diskussi oqsma ta’ koperazzjoni. 

Iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Olimpjadi Speċjali faħħar is-sehem u l-ħidma li qed titwettaq minn Special Olympics Malta u faħħar il-mod kif is-Sinjura Muscat hija fuq quddiem f’ħidma u koperazzjoni mal-Kumitat tal-Olimpjadi Speċjali Internazzjonali biex ikompli jitkattar il-kunċett tal-Olimpjadi Speċjali madwar l-Ewropa. 

More in Politika