Residenti jiġbru biżżejjed fondi biex jappellaw kontra żvilupp massiċċ fix-Xemxija

L-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat il-bini ta' erba' blokok ta' 12-il sular fuq is-sit fejn kien hemm il-Mistra Village

Is-sit tal-Mistra Village f'telqa ta' abbandun
Is-sit tal-Mistra Village f'telqa ta' abbandun

Il-proġett approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar għal fuq is-sit fejn kien hemm il-Mistra Village se jkun diskuss mill-ġdid wara li r-residenti mix-Xemxija ġabbru biżżejjed fondi biex ikunu jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni.

Fil-fatt, residenti mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar u lokalitajiet oħra ġabbru €7,350 f’għaxart ijiem biex setgħu jappellaw mid-deċiżjoni għall-bini ta' 744 appartament f'erba' blokok li jitilgħu għal 12-il sular kull wieħed. 

Ma’ dan is-sit, kelliem għall-inizjattiva kien qal illi dan juri illi meta l-poplu jħalli d-differenzi politiċi warajh, kapaċi jakkwista affarijiet kbar u kapaċi jsemma' leħnu kontra żvilupp "li qiegħed jifga lill-pajjiżna, lill-komunitajiet tagħna u l-mod tal-għajxien tagħna."

Karen Tanti, attivista minn ‘Save the North’ saħqet li ma kien hemm l-ebda studji dwar l-impatt ta’ dan il-proġett waqt li insistiet li l-infrastruttura tat-toroq fl-inħawi ma tiflaħx għalih.

Tliet membri tal-Awtorità vvutaw kontra: ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli, Timothy Gambin u Victor Axiak. 

More in Politika