Tkompli s-saga tal-‘Kandidatura Konrad’ ... Jiltaqa' ma' Dalli u Fearne

  • Huwa mifhum li waqt dawn il-laqgħat ġiet diskussa l-intenzjoni ta’ Mizzi li jkun kandidat għat-tiġrija ta’ mexxej ġdid Laburista
  • Chris Fearne jikkonferma li l-ġimgħa li għaddiet mar jiekol ma' Konrad Mizzi

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li fl-aħħar jiem kien hemm laqgħat separati bejn il-Ministru Konrad Mizzi, l-MEP Laburista Miriam Dalli u l-Ministru Chris Fearne.

Huwa mifhum li waqt dawn il-laqgħat ġiet diskussa l-intenzjoni ta’ Mizzi, żvelata l-ġimgħa l-oħra li jkun kandidat għat-tiġrija ta’ mexxej ġdid jekk Muscat iħalli postu din is-sena jew is-sena d-dieħla.

Mhux magħruf għalfejn Mizzi xtaq jiltaqa’ ma’ dawn it-tnejn li huma meqjusin bħala l-aktar tnejn b’saħħithom mad-delegati u allura li għandhom l-aktar ċans jirbħu l-ewwel parti tal-vot, biex imorru għall-vot tad-Delegati.

Tajjeb wieħed ifakkar illi t-tiġrija fil-Partit Laburista, jekk issir, tkun tikkonsisti fl-ewwel votazzjoni biex jispiċċaw żewġ kandidati, imbagħad it-tieni votazzjoni, meta t-tesserati tal-Labour jivvutaw biex jagħżlu wieħed miż-żewġ “finalisti”.

Minn sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta jirriżulta illi Mizzi fil-fatt għandu xi forma ta’ appoġġ għalkemm dan żgur mhux ġej mit-tmexxija tal-partit.

Fil-fatt, l-ILLUM hija infurmata li minkejja li għandu l-appoġġ bħala Ministru, Mizzi m’għandux appoġġ għall-kandidatura għat-tmexxija tal-partit mill-aktar persuni qrib Muscat.

Mingħajr l-appoġġ ta’ Muscat ftit hemm tama li Mizzi jagħmel gwadann, anke jekk nies qrib ta’ Mizzi jinsistu li huwa politiku determinat u ftit li xejn jaqta’ qalbu.

L-aktar kwistjoni li qed iżżomm lil Mizzi lura u li dwarha persuni fil-partit qed jibqgħu kawti hija dik tal-Panama.

Bosta qed joqogħdu lura milli jesprimu lilhom infushom dwar possibilità ta’ elezzjoni għal mexxej ġdid. Fil-fatt, għalkemm hemm kawtela partikolari fuq il-kandidatura prospettiva ta’ Mizzi propju minħabba l-kwistjoni tal-Panama.

Mhuwiex magħruf x’effett se jħalli Konrad Mizzi fuq il-kandidatura ta’ Chris Fearne, Miriam Dalli u Ian Borg. Lanqas hu magħruf jekk Mizzi tefax ismu f’din it-tiġrija ipotetika biex iservi ta’ fus meta jiġu biex jagħżlu l-mexxej fit-tieni parti tal-votazzjoni u allura jekk Mizzi jkunx qed jippużizzjona lilu nnifsu biex ikun deputat mexxej ta’ wieħed minn dawn.

Fearne jikkonferma li mar jiekol ma' Mizzi iżda ma jgħidx x'iddiskutew

Intant, f'kummenti mal-MaltaToday, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kkonferma dak li rrappurtat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li ltaqa' mal-Ministru Konrad Mizzi anke jekk ma qalx jekk iddiskutewx il-kandidatura potenzjali tagħhom għall-mexxej tal-Partit Laburista.

Fearne qal biss li hu jiltaqa' regolarment mal-Ministru Konrad Mizzi.

"Jiena u l-Ministru Mizzi niltaqgħu, mhux kuljum, imma ċertament darba jew darbtejn fil-ġimgħa fil-grupp parlamentari, fil-kabinett u l-Parlament. Il-ġimgħa l-oħra morna nieklu flimkien, imma mhux xi ħaġa ta' barra minn hawn," qal Fearne.

Mistoqsi x'iddiskutew, Fearne qal biss li tkellmu fuq ħafna affarijiet imma ma jistax joqgħod jgħid x'ġie diskuss waqt laqgħa privata.

Huwa insista li għad ma hemmx ġirja għall-mexxej tal-Partit Laburista u waqt li saħaq li Muscat huwa l-uniku mexxej u għandu l-fiduċja ta' kulħadd dawwar id-diskors fuq il-Partit Nazzjonalista li fi kliemu għandu problema bil-kap tiegħu.

More in Politika