'Huwa falz li xi ħadd jgħid li l-attrazzjoni sesswali tista' tinbidel'

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni jfakkar lill-pubbliku illi skont il-liġi Maltija, kemm il-prattiċi ta’ konverżjoni, kif ukoll ir-riklamar tagħhom, huma illegali

Silvan Agius, Direttur tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni
Silvan Agius, Direttur tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni

Wara diversi xandiriet u rappurtaġġi dwar dokumentarju li jirreferi għal persuni li jallegaw li huma ‘ex-gay’, u li allegatament qiegħed jippromwovi prattiċi ta’ konverżjoni lejn persuni LGBTIQ, id-Direttorat għad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni nforma lill-pubbliku illi skont il-liġi Maltija, kemm il-prattiċi ta’ konverżjoni, kif ukoll ir-riklamar tagħhom, huma illegali, u punibbli b’multa u/jew priġunerija.

Id-Direttorat saħaq li l-omosesswalità mhi bl-ebda mod xi marda, diżordni, jew anomalija. "Dan jaffermawh ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti f’dan il-qasam u l-liġi Maltija tipproteġi d-diversità sesswali u tal-ġeneru, u r-rispett lejn kulħadd. Għaldaqstant huwa falz li wieħed jipproklama illi l-attrazzjoni sesswali u affettiva ta’ kwalunkwe individwu tista’ b’xi mod tiġi mibdula sforz ta’ kwalunkwe trattament, prattika jew sforz sostnut."

L-istqarrija tad-Direttorat tkompli tgħid li kull min qiegħed jesplora s-sesswalità jew il-ġeneru tiegħu, jew ikun għaddej minn żmien diffiċli, jista’ jfittex l-għajnuna ta’ professjonisti fil-qasam, liema professjonisti joffru servizzi relatati mal-iżvilupp jew affermazzjoni ħielsa tal-identità tal-ġeneru.

It-taqsimiet tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, u karatteristiċi tas-sess fid-Direttorat jistgħu jiġu kkuntattjati għal gwida fuq 22263210.

Id-Direttorat jappella wkoll lill-mezzi kollha tax-xandir sabiex fir-rappurtaġġ tagħhom, jinkludu wkoll il-fatt illi l-prattiċi ta’ konverżjoni huma perikolużi, u ta’ ħsara għal kull min jgħaddi minnhom, u għaldaqstant illegali.

More in Politika