Issa jmiss lil Wied il-Għomor; Applikazzjoni għal lukanda ta' 24 sular

Qed ikun propost li din il-lukanda tinbena fuq biċċa art ta’ 3,000 metru kwadru biswit il-pont Mikiel Anton Vassalli

Lukanda kbira ta’ 24 sular qed tkun proposta li tinbena biswit il-pont Mikiel Anton Vassalli f’Wied il-Għomor, wieħed mill-ftit postijiet pubbliċi miftuħa fiż-żona.

Kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li żvelat kif din il-lukanda qed tkun proposta li tinbena fuq biċċa art mdawra bit-toroq ta’ 3,000 metru kwadru li tħares lejn Wied il-Għomor.

Skont il-pjani lokali għall-inħawi tat-Tramuntana tal-Port, din iż-żona hija meqjusa bħala spazju pubbliku miftuħ, bil-għan li jkunu protetti dawk il-ftit spazji pubbliċi li għad fadal f’dawn l-inħawi.

Dan l-iżvilupp qed ikun propost minn Tum Invest, kumpanija mwaqqfa fl-2015 wara l-qasma f’Tumas Group.

Skont l-applikazzjoni, il-pjanti jinkludu wkoll parkeġġ ta’ tliet sulari taħt l-art u lukanda ta’ 24 sular.

More in Politika