Reklamazzjoni | ‘Il-Gvern mhux se jagħmel proġett li bih iweġġa' lin-nies tan-naħa t'isfel’

Hekk kif ir-residenti tax-Xgħajra jkomplu jdawru l-petizzjoni biex jissalvagwardjaw il-kosta tax-Xgħajra, l-ILLUM titkellem mad-Deputat Glenn Bedingfield

Mistoqsi minn din il-gazzetta fuq il-possibbiltà li ssir reklamazzjoni tal-art fir-raħal tax-Xgħajra, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield saħaq mal-ILLUM li, “minkejja li m’hemm xejn iswed fuq abjad li se sseħħ ir-reklamazzjoni tal-art f’din il-lokalità, jiena ninsab konvint li l-Gvern żgur mhux se jagħmel xi proġett li bih iweġġa' lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta.”

Dan it-tħassib serju min-naħa tar-residenti kien imqanqal minn mappa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li ppubblikat il-gazzetta oħt MaltaToday fl-aħħar tas-sena 2018. Skont din il-mappa, il-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f’San Ġiljan, hi waħda miż-żoni ideali għar-reklamazzjoni tal-art.

Din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, għamilha ċara li r-reklamazzjoni tal-art bilfors se jkollha ssir għaliex skontu, “din hi l-aktar soluzzjoni sostenibbli fit-tul fl-isfida tal-ispazju limitat għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.”

Fil-kummenti tiegħu, Herrera spjega li,  “iż-żoni fejn din se ssir għadhom qed jiġu studjati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA), però din bilfors trid issir miż-żona taż-Żonqor sal-Għadira.” Ir-rapport mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin u sussegwentement diskuss fil-Kumitat Ambjentali tal-Parlament flimkien mal-għaqdiet ikkonċernati.

Fil-ġimgħat li għaddew, diversi għaqdiet fosthom il-Moviment Grafitti saħqu li huma kontra kull forma ta’ reklamazzjoni tal-art. Apparti minn hekk fl-istess perjodu bdew jinġabru l-firem għall-petizzjoni kontra dan l-iżvilupp li mbagħad se tiġi ppreżentata lill-Prim Ministru.

Min-naħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) hi tal-fehma li żona fil-baħar li tkun ambjentalment aċċettabbli għar-reklamazzjoni tal-art hi l-unika soluzzjoni.” Madankollu, Sandro Chetcuti l-President ta’ din l-għaqda kien sostna ma’ din il-gazzetta li, “personalment inħoss li r-reklamazzjoni tal-art għandha ssir biss fl-interess nazzjonali mhux għall-ispekulatur.”

Aqra wkoll:

More in Politika