Fenech Farrugia kienet tuża linja tal-mowbajl Spanjola biex tikkomunika ma' Fuentes

Joħorġu aktar dettalji dwar l-allegati konverżazzjonijiet bejn l-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u wieħed mis-suspettati fin-negozju illegali tat-tonn

L-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia, kienet tuża linja tal-mowbajl Spanjola biex allegatament tagħmel telefonati ‘kunfidenzjali’ ma’ José Fuentes García, wieħed mill-akbar operaturi Spanjoli għas-sajd tat-tonn (bluefin tuna).

Ilbieraħ, Fenech Farrugia, ġiet sospiża wara li allegatament kienet qed tuża l-pożizzjoni tagħha biex tixxaħħam mis-sajd illegali tat-tonn.

Kollox beda s-sena li għaddiet, meta investigazzjoni minn awtoritajiet Spanjoli kixfu negozju illegali tat-tonn li jħallaq il-valur ta' madwar €25 miljun. 

Dak iż-żmien, isem Malta kien ħareġ f’din is-sejba iżda ma kien hemmn l-ebda referenza għall-involviment ta’ uffiċjali Maltin, sakemm ilbieraħ kienu ppubblikati traskrizzjonijiet ta’ telefonati bejn Fenech Farrugia u José Fuentes.

Qed ikun allegat li Fenech Farrugia użat il-pożizzjoni tagħha biex tirregolarizza l-qbid illegali tat-tonn li jaqbeż il-kwoti stabbiliti internazzjonalment.

Skont dawn it-traskrizzjonijiet, Fuentes saħansitra kien talab lil Fenech Farrugia biex iżżid il-kwota għall-kumpanija tieħu, minn 3,000 għal 4,000 tunnelleta.

Fenech Farrugia tuża linja rreġistrata fuq il-kumpanija ta' Fuentes

Il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif l-investigaturi Spanjoli waslu għal Fenech Farrugia meta investigaw mowbajl ieħor li kellu Fuentes.

Iżda l-aktar ħaġa li qajmet suspett kien il-fatt li Fenech Farrugia kienet tuża numru tal-mowbajl spanjol irreġistrat fuq il-kumpanija ta’ Fuentes.

Jidher ukoll li l-uniċi telefonati li saru fuq il-linja Spanjola ta’ Fenech Farrugia kienu mit-tieni mowbajl ta’ Fuentes, liema mowbajl kien jużah biss għal telefonati “kunfidenzjali.”

F’waħda minn dawn il-konverżazzjonijiet, interċettati mill-awtoritajiet fl-20 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, Fenech Farrugia qalet lil Fuentes: "Qiegħda l-Bulgarija għalik, trid tħallasni għax hawn laqgħa u qiegħda mad-direttur ġenerali (tas-sajd) ta' Brussell."

Telefonati jikxfu 'familjarità' bejn Fenech Farrugia u Fuentes

Iżda apparti dan, l-istess telefonati juru wkoll ċertu familjarità li allegatament teżisti fejn Fenech Farrugia u Fuentes.

Skont it-traskrizzjonijiet ippubblikati lbieraħ, f’telefonata fil-15 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, Fuentes irrefera għal Fenech Farrugia bħala “sabiħa.” Hi allegatament wieġbet li “d-dinja kollha tridha.”

Waqt l-istess konverżazzjoni, Fuentes allegatament jissuġġerixxi lil Fenech Farrugia li għandha bżonn “massaġġ tajjeb” u dan wara li lmentat li qed juġaha dahra.

Twissih dwar kumpanija oħra Maltija

Iżda, fl-istess konverżazzjoni, Fenech Farrugia tgħid lil Fuentes biex joqgħod attent kif jirrapporta l-affarijiet biex “Fish & Fish ma jgħidu xejn.”

Fish & Fish hija operatur ieħor tat-tonn f’Malta, rivali tal-kumpanija ta’ Fuentes. Mhux magħruf għalfejn qaltlu hekk.

Jgħidilha li ġej Malta biex jiltaqa' mal-Ministru

Fl-24 ta’ Ġunju 2018, Fuentes jinforma lil Fenech Farrugia li kien ġej Malta biex jiltaqa’ mal-Ministru.

Hi tinfurmah li l-affarijiet bdew jiċċaqilqu u tistaqsih jekk hux se jqatta’ l-ġurnata kollha mal-Ministru.

Tgħid lil Fuentes li ma jistgħux jidhru flimkien

Ġurnata wara, Fuentes ċempel lil Fenech Farrugia biex jinfurmaha li kien se jkun qed jasal Malta għall-ħabta tal-10:30pm u li se jkun qed joqgħod il-Hilton.

Fuentes staqsa lil Fenech Farrugia jekk tixtieqx tiekol miegħu iżda hi allegatament insistiet li ma jistgħux jidhru flimkien f’Malta.

Aktar tard, hi ssuġġeriet li tiltaqa’ miegħu fil-lukanda fil-11pm jew fis-6am, l-għada filgħodu.

More in Politika