Manuel Delia jgħid li t-tindif tal-'mafkar' ta' Daphne kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu

Fil-Qorti Delia ddikjara b’mod ċar li huwa f poġġa fjuri u xemgħat quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir

F'applikazzjoni Kostituzzjonali ppreżentata l-bieraħ fil-Qorti Ċivili, il-blogger u attivist Manuel Delia wieġeb għall-isfida tal-avukati tal-Gvern u  ddikjara b’mod ċar li huwa flimkien ma' attivisti oħra poġġew fjuri u xemgħat quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.

Delia qal li kien lest biex juri evidenza li hu stess ħallas għal diversi strixxuni li imbagħad tpoġġew madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir u kif hu pparteċipa fi protesti quddiem l-istess monument.

Fl-istess każ il-ġimgħa l-oħra, l-avukati tal-Ministru Bonnici staqsew x'interess dirett u legali Delia għandu fil-'mafkar' ta' Daphne Caruana Galizia, għaliex skonthom kienu persuni oħra li poġġew ix-xemgħat u l-fjuri quddiem il-monument.

Minn naħa tagħhom l-avukati ta' Delia argumentaw li, "kif jistgħu jgħidu li m'għandux interess legali fil-każ, jekk dan hu bbażat fuq id-dritt għall-libertà tal-espressjoni u meta fil-verità Delia hu wieħed mill-aktar attivisti attivi fil-każ."

Il-blogger Manuel Delia kien fetaħ proċeduri għal każ Kostituzzjonali, fil-konfront tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif, dan wara t-tneħħija kontinwa tal-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

More in Politika